Riflessjonijiet fuq il-Maltin f’Jum San Valentin

Riflessjonijiet fuq identitajiet Maltin (b’naqra mħabba għal Jum San Valentin)

Spiss naħsbu fl-identità bħala xi ħaġa immutabbli, fissa sa minn żmien żemżem u daqshekk. B’danakollu, din l-ewwel sentenza diġà tisfida dan il-kunċett t’identità billi tinqeda bi kliem ta’ nisel differenti. Din ix-xhieda ta’ taħlit lingwistiku hi sintomatika ta’ taħlit fl-identità Maltija, li bħal identitajiet oħra żgur li mhix pura.

Lingwa li ma taqdiniex

Ironikament, l-għodda ewlenija li nużaw sabiex nesprimu sentimenti razzisti, jiġifieri l-lingwa, hi fiha nfisha prova ta’ taħlit kulturali. Is-sentenzi “Mur lura lejn pajjiżek. Go back to your country,” huma xhieda ta’ identità kkulurita propju għax hi mħallta:

  • “Mur lura lejn” huma ta’ nisel Għarbi, l-istess bħas-suffiss pronominali “-ek”;
  • “Pajjiż” hi mnissla mill-kelma Taljana “paese”; u
  • “Go back to your country” hi riflessjoni ta’ soċjetà prattikament bilingwi.

Filwaqt li l-lingwa nużawha primarjament għall-komunikazzjoni, tkun ħasra kbira li ma nużawhiex ukoll għal finijiet riflessivi. B’hekk konna nagħrfu li l-lingwa ma taqdiniex sabiex nitgħajru razzjalment.

Traċċi oħra t’identità mħallta

Traċċi t’identità li kontinwament tinbidel ma nsibuhomx biss fil-lingwa. Insibu traċċi simili fil-kunjomijiet (Agius mill-Għarbi, Azzopardi mit-Taljan, u Alden mill-Ingliż), fl-ikel li nieklu (mill-imqaret sal-bergers u z-zliezet), fil-mużika li ndoqqu, u fl-arkeoloġija u l-arkitettura, fost l-oħrajn. Anzi, uħud mill-aktar żviluppi interessanti fil-kultura tagħna seħħew meta influwenzi barranin tajniehom espressjoni lokali.

Ngħidu aħna, bħalissa nsibu għadd kbir ta’ gruppi mużikali li qed jgħammdu l-mużika tagħhom b’titli u b’lirika Maltin, mill-għana u l-folk b’laqta kontemporanja (Kantilena), sal-mużika alternattiva (Plato’s Dream Machine). Fl-arkitettura wkoll niltaqgħu ma’ espressjonijiet lokali u barranin imħaddmin flimkien, mit-tempji preistoriċi u l-arkitettura Sikulo-Normanna, sar-reġjonaliżmu kontemporanju ta’ Richard England u l-eleganza u s-sensittività ambjentali ta’ Renzo Piano.

Riċentament rajna żviluppi simili fl-ilbies ta’ Charles & Ron, ispirat mill-gallariji, il-knejjes, u l-iskala ta’ kuluri tipikament Maltin. A skapitu li ninstema’ kulturalment inkejjuż, nieħu gost nimmaġina espressjoni simili fid-disinn tal-hijabs ġewwa pajjiżna, f’ġieħ it-tradizzjoni twila ta’ influwenzi interkulturali.

Tgħanniqa u tliet bewsiet

Nemmen li l-biżgħa li nitilfu l-identità tagħna minħabba influwenzi barranin diffiċli niġġustifikawha, billi l-identità tagħna hi fiha nfisha kkaratterizzata minn influwenzi barranin. L-isfida hi kif se nsarrfu dawn l-influwenzi f’diversità u mhux f’tensjoni, f’pontijiet u mhux f’ħitan, f’inkontri u mhux fi skontri.

F’dan l-ispirtu, int u tiekol baċi jew peruġin da’ Jum San Valentin, ftakar li dawn ġejjin mill-Italja; li l-French kissing Franċiż; li l-ward li tajt abbli ġej mill-Olanda … u l-kelma “nħobbok,” mill-Għarbi.

Kit Azzopardi huwa attivist kulturali, għalliem tal-Malti, u s-Segretarju tal-Għaqda tal-MaltiUniversità, u editja diversi pubblikazzjonijiet. Dan l-artiklu qed jittella’ bi sħab mal-Għaqda tal-Malti.

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *