Il-Festi u x-Xorb

Issa anke mal-festi qabdu?! Lanqas tista’ tixrob xarba bil-kwiet (insomma mhux eżatt bil-kwiet, imma taf xi rrid ngħid).M’għandhomx x’jagħmlu jaqaw? Ara naqra, x’fiha ħażin li xxarrab naqra griżmejk fil-marċ u waqt il-purċissjoni? Mhux kulħadd jixrob? Aħna l-Maltin hekk imdorrijin. Li kien għalihom dawn iħassruhielna festa bil-qabda prietki kontra x-xorb. Għax ma jħalluniex bi kwietna niddevertu u niċċelebraw kif nafu aħna?

Diffiċli timmaġina festa mingħajr xorb. Donnu li aħna l-Ewropej ma nafux niċċelebraw mingħajr ma ndaħħlu l-alkoħol fin-nofs. Jekk ma tixrobx (u ħafna drabi, aktar milli tiflaħ) qisek ma tafx tifraħ, ma tafx titħallat, ma tafx tkompli. Tant sar ħaġa waħda maċ-ċelebrazzjonijiet, li kieku kellu jitneħħa, għal ħafna l-festa tista’ ma ssir xejn.

M’hemm xejn ħażin li wieħed jixrob… bil-qies. Ix-xorb kapaċi jgħin biex tinbena atmosfera ta’ ferħ, għax ineħħi l-mistħija u jagħmilha aktar ħafifa li n-nies jitħalltu. Anke l-istess ‘ritwali’ li wieħed joffri x-xorb, iħallas lil oħrajn u l-oħrajn iħallsulu, li jixrob ‘tal-festa’ mal-oħrajn, jiffaċilitaw il-komunikazzjoni waqt il-festa. Għal biċċa l-kbira tan-nies li jixorbu fil-festi, ix-xorb mhux biss ma jagħmilhomx ħsara, imma jgħinhom biex igawdu l-okkażjoni iktar.

Però, meta jinqabżu ċerti limiti, jista’ jibda l-gwaj. U fil-festi l-limiti jinqabżu ta’ sikwit… u minn ħafna nies. M’hemmx għalfejn niddeskrivu x-xeni fid-dettall għax kulħadd rahom, u mhux darba u tnejn.  Nies li normalment tafhom bħala kwieti u tal-affari tagħhom, ireddnu fil-vojt u jitbaħartu b’mod li ma jixirqilhomx. Oħrajn li s-soltu joqogħdu attenti kif jitkellmu, jitilqu lsienhom u jgħidu affarijiet li kapaċi jġibuhom fl-inkwiet. Individwi li, għax fis-sakra, jaqgħu u jweġġgħu. Oħrajn li saħansitra jsiru vjolenti u jweġġgħu lil ħaddieħor bil-kliem jew bil-fatti, u jqajmu l-ġlied.

Forsi l-aktar element li jinkwieta lil ħafna nies huwa li spiss tara tfal (anke ta’ ħdax, tnax-il sena) jixorbu l-birra bħall-kbar, ġieli jixxenglu, waqt li wħud mill-kbar jiggustawhom… jekk ma jixtrulhomx ix-xorb ukoll. Donnu li għax festa ma jimpurtax li dawn it-tfal jipperikolaw saħħithom. Anki ammonti żgħar ta’ xorb jagħmlu l-ħsara lil min għadu ma żviluppax, barra l-fatt li x-xorb malajr jista’ jindara u jġib problemi serji oħra.

 

Irridu noqogħdu attenti li:

• Ma naqbżux il-limiti: inkunu qed inqiegħdu lilna nfusna fil-periklu li nistordu, naqgħu, inweġġgħu… jew li nagħmlu affarijiet oħra li wara jiddispjaċina.

• Jekk se nixorbu ma nsuqux: anki ftit alkoħol jaffettwalna s-sewqan, anki jekk aħna mingħalina li qed insuqu sew.

• Il-mediċini u x-xorb ma jitħalltux: jekk qed tieħu l-mediċini, iċċekkja mat-tabib jew l-ispiżjar jekk tistax tixrob.

• L-alkoħol mhux tajjeb għat-tfal: ma jistax jinbiegħ alkoħol lil min għadu m’ għalaqx is-17-il sena. Għandha tinġibed l-attenzjoni tal-pulizija kull meta din il-liġi tinkiser.

Kapaċi niddevertu mingħajr il-perikli li jġib miegħu x-xorb żejjed, u fuq kollox, naċċertaw irwieħna li l-festa li tant inħobbu ma taqax għaċ-ċajt.

Jekk nixorbu bil-qies, ma nħassrux festi – la għalina u lanqas għall-oħrajn.

Miktub minn Manuel Mangani

Aġenzija Sedqa aims to increase public awareness of the harm caused by addictive behaviours and imparts skills in order to prevent or to delay the development of such patterns. It also supports persons who have developed an addiction and their significant others to modify their lifestyles so as to lead a healthier and more satisfying life whilst becoming productive citizens within society. Aġenzija Sedqa seeks to do this whilst maintaining high ethical and professional standards in all its interventions with every individual who seeks its assistance. For more information, please call on 2388 5110 or Supportline 179.

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *