Tindaħalx!

Min jaf kemm-il darba xi ħadd kien se jgħid kelma ta’ ġid jew jagħmel xi ħaġa għall-ġid u minflok sab apprezzament, sab min qallu ma jindaħalx.

Għalfejn tindaħal? Qabel xejn, jgħidulek li mhux affari tiegħek. Wara dan, jekk tittanta tgħid li taħseb li dak li qed isir huwa ħażin u għalhekk int qed tintervjeni, jakkużawk li qed tiġġudika. Imma jekk turi approvazzjoni, mid-dehra ma tkunx qed tindaħal!

Wieħed m’għandux jindaħal għax irid jirrita lin-nies. Wieħed jindaħal għax jagħraf li jgħix f’komunità u f’soċjetà. Għalhekk, irid jew ma jridx, għandu dmir sagrosant li ma jkunx Kajjin ieħor. Għandu dmir li jimpurtah minn ħaddieħor. Ma nistax nagħlaq għajnejja u ngħaddas rasi fir-ramel. Alla tani għajnejja biex nara, widnejja biex nisma’ u jdejja biex ngħin.

Fil-parabbola tas-Samaritan it-tajjeb, is-Samaritan seta’ faċilment irraġuna li ladarba dak li kien mixħut fl-art ma talabx għajnuna, ma kellux għalfejn jgħinu. Nafu li skont il-parabbola, is-Samaritan m’għamilx hekk, iżda ra li seta’ jgħin u għen. Ma tantx kien jimpurtah li dak ma talabx għajnuna.

Wieħed jindaħal għax jagħraf li jgħix f’komunità u f’soċjetà

X’inhu l-messaġġ ċentrali li nwassal meta ma nindaħalx? Meta ma nindaħalx, inkun qed ngħid lis-soċjetà li ma jimpurtanix minnha. Inkun qed ngħid li l-aqwa li jien ninsab tajjeb u x’jimpurtani d-dinja tegħriqx!

Mhux faċli tindaħal. Kif tintervjeni anki qalb familjari jew ħbieb meta jibda jintlaħaq xi qbil li inti taf li huwa moralment ħażin? Aktarx ser issib min jgħidlek li int qed issib ix-xagħra fl-għaġina jew li qed tagħmel għaġeb mix-xejn. Forsi tkun akkużat ukoll li qed tifred u mhux tgħaqqad! Hawn titfaċċa d-dilemma! X’nagħmel? Niskot u nirraġuna li għall-fini tal-għaqda, ma noġġezzjonax? Jew inkella nżomm sod u nispjega preċiżament għaliex ma naqbilx ma’ dak li jkun qed jiġi propost?

Huwa importanti wieħed jiċċara li biex int tindaħal b’mod ġenwin, dan kollu jrid ikun immotivat mill-imħabba. Jekk dan ikun immotivat sempliċement minn xewqa li tgħaddi tiegħi u li nsaltan jien, inkun nieqes minn dik li San Ġorġ Preca jsejħilha l-intenzjoni retta.

Id-dmir li wieħed jindaħal, u għalhekk mhux biss li jkun melħ tal-art iżda anki melħa, huwa preċiżament dak li jagħmel Alla. Alla huwa omnipotenti u m’għandux bżonni. Bil-qima tiegħi u mingħajrha, Alla xorta jibqa’ Alla. Imma fl-imħabba Tiegħu, Alla jagħżel li jiġri warajja u jibqa’ joffri opportunità wara l-oħra.

Importanti wieħed jiċċara li biex int tindaħal b’mod ġenwin, dan kollu irid ikun immotivat mill-imħabba

Meta Kristu għex u miet għalina, dan m’għamlux fil-magħluq. Kristu għex ħajtu fil-beraħ jiltaqa’ man-nies. Meta Hu miet, ma mietx f’kamra magħluqa fejn ma rah ħadd. Hu ordna lil dawk li jimxu warajh biex ixandru l-aħbar it-tajba sat-truf tal-art. Kristu qatt ma qalilna nagħlqu ħalqna u ma nindaħlux. Kif il-partiti u l-gvernijiet jgħidu li għandhom mandat biex jagħmlu ħaġa jew oħra, aħna l-Insara għandna mandat divin biex nindaħlu u bil-mod, nibdlu s-soċjetà li ngħixu fiha.

Ħafna drabi, aħna l-Insara nħossuha diffiċli li nitkellmu u li nindaħlu. Ġieli nippreferu ningħalqu fl-echo chambers tagħna u nkellmu biss lil min jaqbel magħna. Lil min jisfida l-fidi tagħna nwarrbuh. Wisq nibża’ li aħna l-Kattoliċi ġieli nibżgħu nitkellmu mal-oħrajn għax għandna nuqqas ta’ għarfien tal-Kelma t’Alla u tat-tagħlim rikk tal-Knisja (l-ewwel wieħed jien). Meta xi ħadd jistaqsina għaliex nemmnu xi ħaġa jew għaliex nirraġunaw b’ċertu mod, aħna kif se nirrispondu? Nistgħu jew ngħidu li nemmnu hekk għax hekk qalilna l-kappillan fl-omelija tal-Ħadd, jew inkella nieħdu deċiżjoni soda li nitgħallmu u nippreparaw irwieħna biex ningaġġaw mad-dinja. In-Nisrani għandu dmir li joħroġ u jitkellem. Iżda biex jitkellem, irid ikun ippreparat sewwa billi jkun familjari mal-Kelma t’Alla u mat-tagħlim tal-Knisja. Sfortunatament, ġieli jagħti l-każ li aħna l-Kattoliċi, li għandna s-sħuħija tal-verità, nidħlu fil-qoxra u nippreferu noqogħdu kwieti.

Wisq nibża’ li aħna l-Kattoliċi ġieli nibżgħu nitkellmu mal-oħrajn għax għandna nuqqas ta’ għarfien tal-Kelma t’Alla u tat-tagħlim rikk tal-Knisja

Fil-Papa Benedittu XVI kellna intellettwali tal-prima klassi. Fil-Papa Franġisku għandna missjunarju tal-prima klassi. Hemm kontinwità bejniethom preċiżament għax wieħed iffurmana u għallimna u ta’ warajh qed jibgħatna mill-ġdid bil-gzuz biex nevanġelizzaw sa truf l-art.

Meta ngħid li aħna għandna dmir nindaħlu, dan qed ngħidu fis-sens li jesprimi San Franġisk f’talba famuża tiegħu:
Fejn hemm il-mibgħeda, ħallini nxerred l-imħabba;
Fejn hemm il-ħtija, ħallini nferrex il-maħfra;
Fejn hemm id-dubju, ħallini ndaħħal il-fidi;
Fejn hemm il-qtigħ il-qalb, ħallini nqawwi t-tama;
Fejn hemm id-dlam, ħallini nkebbes id-dawl;
Fejn hemm in-niket, ħallini nxerred il-ferħ.

F’din il-biċċa mit-talba famuża ta’ San Franġisk, naraw il-mudell tal-indħil li għandu jsegwi n-Nisrani. Madankollu, tajjeb wieħed jirrealizza li għalkemm dan kollu jidher sabiħ u sempliċi, li wieħed iferrex l-imħabba, il-maħfra, il-fidi, it-tama, id-dawl u l-ferħ jirrikjedi mhux biss li nkunu nafu l-fidi tagħna, iżda ġieli tirrikjedi li jkollna ngħidu veritajiet lil ħaddieħor li hu forsi ma jkunx irid jisma’! Huwa preċiżament hawn li nafu nsibu udjenza ostili u naqtgħu qalbna aħna stess.

Patri Kapuċċin għallimni li l-verità hija bħal ġojjell sabiħ li titgħaxxaq bih. Iżda kif nafu, ġojjell huwa materjal iebes ħafna. Jekk dan il-ġojjell twaddbu għal ras xi ħadd, il-probabilità hi li dak ix-xi ħadd mhux se jara l-ġmiel tal-ġojjell, iżda l-weġgħa li tkun saritlu. B’hekk jaf isir jobgħod iktar il-verità. Huwa għalhekk li l-verità hija strument li wieħed għandu juża dejjem, iżda bil-qies u b’attenzjoni biex bħat-tabib, jara qabel xejn li ma jagħmel ebda ħsara. Li tgħid il-verità lil xi ħadd huwa att ta’ mħabba, iżda biss jekk dan isir bil-qies, b’attenzjoni u bi prudenza.

Il-verità hija bħal ġojjell sabiħ li titgħaxxaq bih

Ħadd m’għandu jiddeludi ruħu li jekk juża l-imħabba u l-prudenza, ħadd ma jgħidlu biex ma jindaħalx. In-Nisrani dejjem se jsib oppożizzjoni u min jgħidlu jagħlaq ħalqu. Anzi, in-Nisrani kważi għandu jinkwieta jekk ma jsibx oppożizzjoni!

Is-soċjetà tal-lum ma tħarisx lejn l-interess ġenwin fil-benesseru ta’ dak li jkun b’lenti favorevoli. Is-soċjetà kemm-il darba tgħidilna biex ma nimponux it-twemmin tagħna fuq ħaddieħor. Iżda wieħed jinnota li minkejja dan, is-soċjetà ma tonqosx li tipprova timponi t-twemmin tagħha stess fuq in-Nisrani! Li wieħed jindaħal fis-sens li qed nipprova niddeskrivi ma jfissirx li timponi, iżda li tipproponi. Wieħed jimponi kieku qiegħed jipprova jġiegħel lil ħaddieħor jagħmel affarjiet kontra r-rieda tiegħu. La l-Knisja u lanqas in-Nisrani ġenwin ma jimponu, iżda jipproponu. Meta wieħed jipproponi, ikun qiegħed jistieden lil dak li jkun biex iħares lejn il-proposta u jeżaminaha għall-affari tiegħu. Bla dubju, għalhekk, min jipproponi jrid iressaq il-proposti tiegħu b’mod amikevoli, persważiv u fuq kollox b’imħabba.

L-argument ċentrali huwa sempliċement li n-Nisrani għandu dejjem jindaħal, għandu dejjem jevita l-atteġġjament ta’ Kajjin u għandu dejjem ikun is-Samaritan it-tajjeb – dispost li jgħin lil ħaddieħor permezz tal-opri tal-ħniena. Iżda biex wieħed jgħin, għandu bżonn l-għodod, fosthom l-imħabba, relazzjoni m’Alla u l-verità.

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *