Studju Soċjolingwistiku fuq ir-Reġistru tal-Piroteknika Maltija

Il-piroteknika hija sengħa ħajja mħaddma minn pirotekniċi żgħażagħ u anzjani b’mod volontarju, biex wara ħafna sagrifiċċju jsarrfuh fi prodott jew xogħol tan-nar li jiddistingwina minn kull pajjiż ieħor.

L-għan ta’ dan l-istudju tal-Maġisteru fil- Malti kien li nagħti ħarsa dettaljata lejn il-varjazzjonijiet li nsibu fil-piroteknika Maltija fil-kmamar tan-nar kollha ta’ Malta u Għawdex kif ukoll li jinġabar il-kliem u l-espressjonijiet relatati mal-logħob tan-nar.

Użajt il-metodu tal-intervisti sabiex niġbor ir-riżultati meħtieġa, li wara ġew analizzati fid-dettall. Il-mod indirett, mibdi minn Jaberg u Jud, u r-riċerkatur li jużah ma jużax kliem li għandu x’jaqsam mal-varjanti li qed jipprova jislet, iżda li juri stampa jew jipponta lejn l-oġġett u jistaqsi mistoqsijiet bħal, “Din x’tgħidilha?” (Chambers u Trudgill 22) ħadem tajjeb ħafna mal-pirotekniċi u wieġbu mingħajr ebda diffikultà.

Il-piroteknika hija sengħa ħajja mħaddma minn pirotekniċi żgħażagħ u anzjani b’mod volontarju, biex wara ħafna sagrifiċċju jsarrfuh fi prodott jew xogħol tan-nar li jiddistingwina minn kull pajjiż ieħor

Għalkemm il-ġbir tal-informazzjoni wiċċ imb wiċċ jeħtieġ il-flus u l-ħin, naqbel ukoll ma’ Frey u Oishi (1995) li kien l-aħjar mod ta’ intervisti użat f’dan l-istudju. B’hekk meta l-parteċipanti ma fehmux xi ħaġa setgħu jistaqsuni faċilment. Barra minn hekk stajt nilħaq ukoll lil min ma jafx jikteb u jaqra, realtà li teżisti f’uħud mill-kmamar tan-nar Maltin. Dan juri li l-informazzjoni miġbura hija iktar valida u ta’ min joqgħod fuqha. Il-fatt li jien għandi l-liċenzja piroteknika u li ħdimt f’kamra tan-nar għenni biex insib iktar koperazzjoni mill-pirotekniċi, ħloqt relazzjoni ta’ ħbiberija mal-informanti b’edukazzjoni bħalma qal Fink (The Survey Handbook 97) u ksibt it-tweġibiet meħtieġa għal dan l-istudju.

L-analiżi tar-riżultati turi b’mod ċar li hemm differenza lessikali bejn il-kmamar tan-nar ta’ Malta u Għawdex.  Fil-fatt id-differenza tal-ġeografija hija b’saħħitha u mifruxa sew f’pajjiżna, meta tqis li 65% tar-ritratti u l-vidjows juru varjazzjoni ġeografika ċara bejn is-sitt gruppi; Għawdex, in-naħa ta’ fuq ta’ Malta, il-Punent ta’ Malta, ix-Xlokk ta’ Malta, in-naħa t’isfel u ta’ fuq tal-port. Bl-istess mod irriżulta fil-fattur tal-kamra u għalhekk nistgħu ngħidu li teżisti varjazzjoni lessikali bejn il-kmamar tal-istess raħal ukoll. Min-naħa l-oħra d-differenza tal-età mhix mifruxa ħafna, meta nqisu li 21% tat-termini juru varjazzjoni ċara bejn il-parteċipanti b’etajiet differenti.

Meta ħarist lejn il-varjazzjoni u l-glossarju, innutajt li t-taqsima tal-Elementi Kimiċi u tas-Sustanzi Kimiċi kienet l-inqas li ġiet affettwata, filwaqt li l-iktar tliet taqsimiet li ġew affettwati mill-varjazzjoni huma l-Proċess tal-logħob tan-nar, in-Nar tal-ajru u n-Nar tal-art. Dan għaliex l-ewwel żewġ taqsimiet għandhom kliem li huwa l-istess għal kulħadd minħabba t-teknikalità tagħhom, filwaqt li l-oħrajn juru li kull kamra għandha ħabta trabbi l-identità piroteknika tagħha u għalhekk ħarġu d-differenzi bejn il-kmamar u l-irħula.

Kull kamra għandha ħabta trabbi l-identità piroteknika tagħha u għalhekk ħarġu d-differenzi bejn il-kmamar u l-irħula

Mill-glossarju pirotekniku joħorġu ħafna aspetti lessikali u grammatikali interessanti, fosthom xi plurali li ġeneralment ma ssibhomx fl-Istandard, il-kliem onomatopejku, il-proċessi metaforiċi bħax-xebh mal-annimali, mal-ġisem tal-bniedem u l-bqija. Joħorġu wkoll diversi termini li mhumiex reġistrati fid-dizzjunarju jew ma jingħatawx bit-tifsira assoċjata mal-logħob tan-nar.

B’dan l-istudju soċjolingwistiku ġiet żviluppata mappa djalettali tal-qasam lessikali tal-logħob tan-nar billi, f’kuntrast ma’ studji lessikali oħra li ġeneralment jiffukaw fuq ftit lokalitajiet, dan l-istudju jifrex l-analiżi lingwistika fuq skala ferm ikbar ta’ 32 kamra tan-nar minn 20 lokalità f’Malta u Għawdex. Dan ix-xogħol se jkun utli wkoll għad-dizzjunarju Malti l-għaliex id-dizzjunarji preżenti huma sajmin ħafna mill-kliem u t-tifsiriet ta’ din is-sengħa.

Għalkemm illum għandna glossarju ppubblikat, bit-titlu ‘Kaxxa Infernali’, ta’ ftit iktar minn 1200 terminu marbut mal-logħob tan-nar, żgur illi baqa’ iktar termini x’jinġabru. Ikun interessanti jekk ’il quddiem, wieħed ikompli jistudja u jistħarreġ din is-sengħa tal-logħob tan-nar speċjalment fil-qasam tat-traduzzjoni. B’hekk il-pirotekniċi u studjużi barranin ikunu iktar mgħarrfa bix-xogħol Malti biex din is-sengħa tiġi iktar apprezzata u mgħollija ’l fuq f’post fejn jixirqilha mhux biss mill-istess Maltin imma anke mill-barranin.

Carlston Grima

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *