Protagonisti tat-tajjeb

F’diskors li għamel qabel l-Angelus tal-Ħadd, 12 ta’ Awwissu 2018, il-Papa Franġisku tkellem kontra l-kultura tal-medjokrità. Essenzjalment, huwa qal li ħafna jirraġunaw li ladarba huma ma jagħmlux deni, huma qaddisin. Il-Papa jgħallimna li dan huwa raġunament żbaljat. Huwa qalilna li mhux biżżejjed li wieħed ma jagħmilx deni, iżda jekk verament irid ikun Nisrani li jieħu l-impenn Nisrani bis-serjetà, għandu jkun aġent attiv tat-tajjeb, u mhux jikkuntenta b’li sempliċement jevita li jagħmel il-ħażin. Id-diskors tal-Papa huwa attakk qawwi fuq l-attitudni tat-telqa – l-attitudni ta’ “u iva…”.

Fid-diskors tiegħu, il-Papa għamel użu speċifiku mill-kelma “protagonist”. Wara ftit riċerka li għamilt – u nispera li dawk iktar mgħallmin fil-Grieg jikkoreġuni jekk qed ngħid ereżija – sibt li din il-kelma ġejja mill-kelma Griega “prōtagōnistēs”. Fid-drammi, il-protagonist huwa l-eroj filwaqt li l-antagonist huwa l-avversarju prinċipali – fi kliem ieħor, l-antagonist huwa l-avversarju li jfittex li jagħmel id-deni iżda dejjem jitlef il-battalja finali kontra l-eroj ewlieni. Il-protagonist huwa l-ewwel wieħed li jqum jiġġieled għat-tajjeb kontra l-ħażin. Il-protagonist huwa l-melħa li ma jiddejjaq xejn (anki jekk iħossu beżgħan) jippreżenta sfida lill-ħażin. Għalhekk, il-protagonist huwa l-ewwel wieħed li jissara mal-ħażen. Il-verb Grieg li minnu ġejja l-kelma “prōtagōnistēs” ifisser “to struggle” – jiġifieri mhux biss ġlieda, iżda ġlieda ħarxa għall-protagonist li jeħtieġlu jitqabad u jbati biex jirbaħ.

Fid-dawl ta’ dan, il-Papa jgħallimna li mhux biżżejjed li persuna ma ġġibx firda, iżda tali persuna għandha taħdem għall-paċi u l-għaqda. Mhux biżżejjed li jiena ma ngħidx kontra dak u l-ieħor, iżda għandi (b’mod edukat) ninterrompi u nwaqqaf lil min nisma’ jgħid fuq ħaddieħor. Din hija parti essenzjali mit-taqbida ta’ kull wieħed bħala protagonist kontra x-xitan antagonist.

Mhux biżżejjed li jiena ma ngħidx kontra dak u l-ieħor, iżda għandi (b’mod edukat) ninterrompi u nwaqqaf lil min nisma’ jgħid fuq ħaddieħor.

Ftit taż-żmien ilu, il-Papa tana Gaudete et Exsultate, li fiha jġedded l-istedina universali għall-qdusija. Huwa jispjega li m’hemmx għalfejn tkun qassis, patri, soru, isqof jew kardinal biex tkun qaddis. Kulħadd huwa msejjaħ għall-qdusija. Jekk il-vokazzjoni tiegħek hija ż-żwieġ, dak ifisser li dik hija t-triq li Alla jrid li twasslek għall-qdusija. Jekk il-vokazzjoni tiegħek hija s-saċerdozju, dik hija t-triq li Alla jridek tuża biex issir qaddis. Jidher ċar, minn dan kollu, li l-qdusija tirrikjedi li inti ssegwi triq. Ma tistax issegwi triq jekk int tibqa’ wieqaf. Biex issegwi triq, trid timxi biex eventwalment tasal fejn għandek tasal (fis-sema pajjiżna). Fil-mixja, trid kontinwament tissara kontra l-ostakli li x-xitan (l-antagonist) iqiegħed sabiex ifixklek. Iżda bħal protagonist (jiġifieri wieħed li jissara u jitqabad), in-Nisrani awtentiku jrid jegħleb l-ostakli bl-għajnuna li Alla dejjem joffri. Biex tavvanza fil-qdusija, trid tkun protagonist.

Il-Papa spjega fid-diskors tat-12 ta’ Awwissu li meta ma nopponux il-ħażen, inkunu qed navvanzawh. Fil-Kristjaneżmu m’hemmx newtralità. Jew inti aġent ta’ Alla u kontinwament tipprova timxi lejn il-qdusija, jew inkella int m’intix aġent Tiegħu u qed titbiegħed mill-qdusija. Il-ħażen javvanza fejn m’hemmx Insara awtentiċi li jopponuh.

Il-Vanġelu dejjem jipproponi li wieħed ikun pro-attiv, dinamiku u kuraġġuż. Il-Papa jgħallimna li dan jaqbel mal-karattru taż-żgħażagħ – li ġeneralment huma nies attivi, dinamiċi u kuraġġużi. Għalhekk, l-attitudni tal-medjokrità, jew aħjar, l-attitudni ta’ “u iva…”, hija kuntrarja għall-Vanġelu u kuntrarja għall-karattru taż-żgħażagħ.

Il-ħażen javvanza fejn m’hemmx Insara awtentiċi li jopponuh.

Li wieħed jirraġuna li kollox sewwa sakemm hu ma jagħmel xejn ħażin huwa raġunament fqir. Biex nieħdu eżempju mill-ħajja ordinarja: għalfejn tmur jogging jew tmur il-gym? L-importanti li mhux marid, li m’għandekx xi kanċer jew xi marda oħra! Dan huwa raġunament fqir għall-aħħar. Jekk nieħdu l-opri tal-ħniena bħala eżempju, naraw li l-Knisja tgħallimna nkunu attivi u ma nikkuntentawx bix-xejn. L-opri tal-ħniena huma struzzjonijiet konkreti ta’ azzjoni – għallem lil min ma jafx, isqi lil min hu bil-għatx, libbes lil min hu għeri, żur lill-morda u lill-ħabsin. L-opri tal-ħniena ma jgħidulniex – u iva, l-aqwa li ma kontx int li ġibtu bil-għatx jew għeri jew marid jew fil-ħabs. Iżda bla dubju li biex it-twettiq tal-opri tal-ħniena jiswielna għall-ħajja ta’ dejjem, irid ikun immotivat mill-imħabba, inkella wieħed jiġi fi kliem San Pawl fl-Ewwel Ittra lill-Korintin: “…kieku kelli l-fidi tiegħi sħiħa li nqanqal il-muntanji, imma ma kellix imħabba, jiena ma kont inkun xejn.”

Il-Ġiżwita San Alberto Hurtado Cruchaga jgħallem li huwa tajjeb li ma tagħmilx ħażin iżda huwa ħażin li tonqos li tagħmel it-tajjeb. Dan narawh anki fl-Att Penitenzjali tal-quddiesa: “Nistqarr ‘l Alla li jista’ kollox, u lilkom, ħuti, li jiena dnibt ħafna bil-ħsieb, bil-kliem, bl-għemil u billi ħallejt dmirijieti…”. Il-verżjoni Ingliża ta’ din it-talba hija iktar ċara: “…I have greatly sinned, in my thoughts and in my words, in what I have done and in what I have failed to do…”. Għalhekk naraw li n-Nisrani ma jistax jikkuntenta b’li sempliċement ma jagħmel xejn ħażin, għax hemm ħtija mhux biss fejn isir dak li hu ħażin, iżda anki fejn tintilef opportunità biex isir dak li hu tajjeb.

Qiegħed nikteb dan fil-festa tat-Tlugħ fis-Sema ta’ Marija, u għalhekk ma jistax jonqos li bħala Kattoliċi, naraw li Ommna hija l-protagonista perfetta. Hija ma kkuntentatx tgħix ħajja ta’ telqa u ta’ “u iva”, iżda bil-grazzja t’Alla u b’kuraġġ liema bħalu, obdiet għalkemm ma kinitx taf x’kellu jkun il-pjan tal-Missier. L-isqof Robert Barron, f’waħda mir-riflessjonijiet tiegħu, jgħid li fil-Magnificat, Marija xxandar b’ferħ u b’ċarezza l-migja tal-Messija. Hija taf x’għandha tagħmel u tagħmlu b’entużjażmu – mingħajr tnikkir jew tgergir. Għalhekk hija protagonista, u għalhekk nitgħallmu minnha kif inkunu protagonisti sabiex f’kollox, inkunu fl-ewwel filliera tal-progress u nagħmlu dak li jgħildilna Hu.

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *