Papoċċ jew running shoes?

L-ilbies huwa element li sa mill-bidu nett tal-kultura tal-bniedem kellu sinjifikat ferm aktar qawwi milli sempliċiment isebbaħ (jew f’ċerti każijiet, anki jkerrah) lil min jilbsu. Ċertu lbies jew aċċessorji, bħal kpiepel, ġiżirajjen u l-bqija, kienu jintlibsu biss minn individwi fis-soċjetà biex juru l-istatus soċjali tagħhom – spiss bħala evidenza ta’ kemm kienu sinjuri. Din is-sitwazzjoni għadha preżenti llum il-ġurnata wkoll, fejn l-ilbies tagħna malajr jiddetta l-ġudizzju li persuni oħra jkollhom fuqna.

Minkejja dan, ma nistgħux ngħidu li l-ilbies tal-qedem għadu l-istess bħal li nsibu fil-preżent, u għalhekk inbidel ukoll il-lingwaġġ li jintuża meta nkunu qegħdin nitkellmu dwar dan is-suġġett. Fashionista żgur m’iniex, iżda l-influwenza tal-Ingliż f’dan il-qasam ħeġġitni nidħol aktar fil-fond fit-terminoloġija li n-nies bħali u bħalek jużaw biex jirreferu għal oġġetti li jintlibsu

..l-ilbies tagħna malajr jiddetta l-ġudizzju li persuni oħra jkollhom fuqna.

Allura x’inhu l-aħjar jew l-aktar korrett? Fil-verità, m’hemmx tweġiba waħda li hija korretta. Il-lingwa tissawwar min-nies li jitkellmuha, u jekk kelma tingħad anki minn grupp żgħir ta’ nies li jiffurmaw parti mill-komunità, ma tistax titqies bħala “ħażina” (sakemm mhux f’każijiet eċċezzjonali).

Fl-istudju tiegħi, iddeċidejt li nimxi fuq tliet kriterji biex nara liema kliem jintużaw l-aktar u wara nqabbel dawn flimkien. It-tliet kriterji kienu l-età, fejn għażilt il-grupp ta’ età ta’ bejn it-tmintax u l-ħamsa u għoxrin sena, u grupp ta’ nies minn ħamsin sena ’l fuq, is-sess, biex nara x’differenzi setgħu joħorġu bejn in-nisa u l-irġiel, għaliex ġeneralment in-nisa huma aktar midħla f’dan il-qasam, u l-ġeografija, fejn għażilt grupp ta’ nies li kienu minn Birkirkara (ir-raħal li ngħix fih) u minn Għawdex, għaliex kont naf li kienu jeżistu diversi varjanti għal xi oġġetti. 

Il-lingwa tissawwar min-nies li jitkellmuha..

Fir-riżultati ma stajtx inkun kategoriku, u ngħid li kien hemm varjazzjoni kbira jew ma kienx hemm varjazzjoni kbira, għaliex kull ritratt li wrejt ippreżenta riżultat differenti. B’hekk, qsamt ir-riżultati f’sezzjonijiet skont il-kriterji (eżempju, “Varjazzjoni skont l-età”), jew anki f’taqsimiet fejn ma kienx hemm varjazzjoni jew ftit li xejn kien hemm. Barra minn hekk, b’mod ġenerali, il-kliem ta’ nisel Ingliż (li jinkludi kelmiet bħal “poloneck”, “jersey” u “handbag”) kien utilizzat ħafna aktar minn kliem ta’ nisel ieħor. L-ewwel żewġ eżempji li semmejt hawn taw riżultat interessanti fejn tidħol il-ġeografija – fil-każ ta’ “poloneck”, filwaqt li l-maġġoranza tal-Karkariżi, kbar u żagħżagħ, li intervistajt inqdew b’din il-kelma, il-parti l-kbira tal-Għawdxin użaw kliem bħal “flokk” u “jersey” biex jiddeskrivuh. Riżultat ieħor simili ta’ dan kien it-terminu “running shoes”, li ntuża minn għadd kbir ta’ Karkariżi, bil-kuntrarju ta’ “papoċċ” li nqdew bih l-Għawdxin (“papoċċ” għal ħafna Karkariżi, u nies oħra, jirreferi għal dak li nilbsu d-dar l-aktar biex intaffu ftit mill-kesħa).

L-aktar riżultat interessanti li ħareġ mill-istudju li għamilt huwa li fi kważi nofs l-istampi li użajt waqt l-esperimenti ntużaw iktar termini li ġejjin mill-Ingliż milli termini li ġejjin mir-Rumanz jew mis-Semitiku. Inutli nidħlu f’battibekki dwar jekk missniex nużaw aktar kliem Malti fil-ħajja tagħna u li l-Ingliż għandu jintuża biss f’estremitajiet meta tkun dahrek mal-ħajt. L-Ingliż huwa preżenti, u l-użu tiegħu ma jistax jitrażżan mil-lum għall-għada. Hemm diversi raġunijiet għaliex jintuża minn daqstant nies, għalhekk ikun suwiċidju lingwistiku jekk nippruvaw neliminawh għal kollox.

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *