Offerta Speċjali

Fresher’s Week. L-ewwel ġimgħa. 

Orjentazzjoni għall-ewwel studenti u bbamjar ta’ kemm jista’ jkun affarijiet, rekken biżżejjed lapsijiet għal sena sħiħa! U meta ntlabt naqsam ħsieb dwar l-imħabba għaraft kemm ħafna drabi nfittxu l-imħabba bl-istess mod li nfittxu xi offerta, qisha logħba li trid tirbaħ biex takkwistaha.

Kemm-il darba nħossu l-pressjoni tal-grupp biex nagħmlu xi ħaġa qisna biex niġu aċċettati f’dak l-istess grupp; bl-istess mod hawn min ifittex li jidħol f’relazzjoni għaliex sħabu kollha għarajjes jew kollha qegħdin jaqbdu miegħu jew magħha. 

L-imħabba m’għandha tkun imċaħħda lil ħadd; kulħadd jixtieq li jkun maħbub. Ovvjament l-imħabba tieħu forom differenti skont il-kuntest u l-ambjent li fih tiffjorixxi, fi ħbiberija mod u f’relazzjoni mod ieħor. L-imħabba tista’ tkun kelma ta’ inkoraġġiment u sapport, daqqa t’id jew tgħanniqa anke bħala forma ta’ solidarjetà. 

L-imħabba tista’ tkun kelma ta’ inkoraġġiment u sapport, daqqa t’id jew tgħanniqa anke bħala forma ta’ solidarjetà.

Ilkoll għandna l-problemi u d-diffikultajiet tagħna, min iħoss li m’hemm xejn li jinkwetah? L-imħabba tirrikjedi element ta’ sensittività. Li nkunu konxji mill-bżonnijiet jew in-nuqqasijiet tal-oħrajn, eżempju ċajta ripetuta jaf issir dwejjaq fil-ħajja ta’ xi ħadd. Għandna naraw li għemilna u kliemna huma għodda fi tkattir tal-imħabba ġenwina.

Jekk ma tħossokx maħbub jew tixtieq li tikber aktar fl-imħabba, inħeġġek li tagħmel ftit ħin quddiem is-sagrament, quddiem Alla li huwa imħabba. Agħtih ċans, forsi għandek id-dubji dwaru jew dwar il-Knisja, forsi ilek ma titlob, Alla jixtieqek tmur quddiemu int kif int, m’hemmx bżonn issir perfett jew qaddis biex iħobbok, sempliċiment tmur fil-preżenza tiegħu. Fil-Bibbja stess insibu, “Ejjew għandi, intom ilkoll li tinsabu mħabbtin u mtaqqlin, u jiena nserraħkom.” [Mt:11:28]

Filwaqt li nawguralkom sena skolastika tal-ġenn li fiha toħolqu ħbiberiji ġodda u ssaħħu dawk preżenti, nispera li ssibu l-imħabba! Awguri!

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *