Min jien? U l-Knisja x’tindaħal?!

F’kapitlu tlieta ta’ Koħèlet fit-Testment il-Qadim naqraw li kollox għandu żmienu. “Żmien li titwieled, u żmien li tmut; żmien li tħawwel, u żmien li taħsad l-imħawwel”, jikteb il-Profeta. F’vers ħamsa jikteb li hemm “żmien li tarmi l-ġebel, u żmien li tiġbru”. 

Fl-interpretazzjoni tiegħu ta’ din is-silta u fil-qari tas-sinjali ta’ żminjietna f’Patience with God, Tomáš Halík jikteb li żmienna hu ż-żmien li niġbru l-ġebel. Waddabna biżżejjed ġebel lil xulxin f’mibegħda u f’rabja lejn xulxin, jisħaq il-qassis Ċek; dan hu ż-żmien li niġbru l-ġebel, u nibnu flimkien.

Waddabna biżżejjed ġebel lil xulxin f’mibegħda u f’rabja lejn xulxin..

Dan hu li bħala Għaqda Studenti tat-Teoloġija nixtiequ nagħmlu bil-pubblikazzjoni ‘A Human Journey: Multisciplinary perspectives on the role of the Catholic Church in Malta’.

Il-punt mhuwiex li nibqgħu niddjalogaw fuq livell ta’ ħsieb biss; teoloġija vera, hi teoloġija mgħijxa, mhux biss maħsuba. Aktar kemm il-mistoqsija ‘Min jien?’ issir aktar ikkumplikata u urġenti, mhux merfugħa biss għall-adoloxxenti, aktar hemm bżonn nieqfu, niġbru l-ġebel li ssuttajna lil xulxin bihom u li għamluna dak li mingħalina aħna, u nagħrfu qabel xejn, il-pedamenti komuni tagħna.

Forsi l-bnedmin awtentiċi mhumiex dawk li jaqtgħu lilhom infushom mid-dinja f’kunflitt mas-soċjetà. Forsi kull ribelljoni, meta għandha direzzjoni, għandha bżonn tidentifika mat-tama ta’ poplu – u hawnhekk tidħol il-Knisja – u hemmhekk biss tista’ l-ansjetà eżistenzjali tal-bnedmin tinbidel f’ferħ sobriju li jżommhom milli jintilfu fl-aljenazzjonijiet tal-folla.

..teoloġija vera, hi teoloġija mgħijxa, mhux biss maħsuba.

A Human Journey hu stedina biex ma nibżgħux inħabbru l-kuraġġ tal-oġġettività, tas-suġġettività awtentika, li tagħtina s-saħħa nħobbu – aktar milli nikkonformaw – u nibnu – aktar mill nissuttaw – billi nħarsu lejn Alla u nipperseveraw fil-mixja tagħna, flimkien u ma’ Ġesù, lejn l-oħrajn.

Jiktbu l-psikologa Dr Marlene Cauchi; Dr Lionel Chircop mill-Kulleġġ San Alwiġi; Dr Nadia Delicata mill-Fakultà tat-Teoloġija fl-Università ta’ Malta; is-Sur Mario Gerada, fundatur ta’ Drachma LGBTI u Drachma Parents’ Group; l-ex Prim Ministru Dr Lawrence Gonzi; l-ex Viċi Prim Ministru Dr George Vella; u l-Prof. Edward Warrington mid-Dipartiment tal-Public Policy fl-Università ta’ Malta. Dan il-ktieb, ippubblikat mill-Għaqda Studenti tat-Teoloġija u li jiswa’ €10 (€8 f’każ ta aktar minn 5 kotba), jista’ jkun rigal ideali f’dan il-Milied għall-helpers fil-knejjes tagħna, l-aktar dawk li jgħinnu direttament fit-tmexxija tal-parroċċa u dawk involuti fil-gruppi taż-żgħażagħ. 

Għal aktar informazzjoni nitolbukom iżżuru https://www.facebook.com/events/374032396672808/?ti=icl jew tiktbu fuq [email protected]

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *