Lil min tassew qed naqdu?

Meta spiċċajt minn kappillan San Ġużepp Ħaddiem Birkirkara, kien hemm min iddispjaċih u kien hemm ħafna iktar li ħadu r-ruħ. Fost dawn tal-aħħar kien hemm min straħ tassew li fl-aħħar seta’ jċapċap fil-knisja għax iċ-ċapċip fil-Knejjes ma narahx f’postu. Kemm-il darba, minħabba f’hekk, kien jerġa’ jibda jberren f’moħħi il-ħsieb li jiena stramb (sal-lum għadni konvint li jien) sakemm darba ltqajt ma’ Patri Karmelitan t’età venerabbli u waqt li konna qed nitkellmu qalli: “Iċ-ċapċip għax-xadini”. Qbilna u dħaqna. Għall-inqas ma kontx stramb waħdi. Konna tnejn.

Iċ-ċapċip huwa sintomu. Sintomi oħra huma l-għajjat, ġiri ’l hinn u ’l hawn u l-isteriżmu li nġarrbu fil-knejjes tagħna. U l-knejjes ħafna drabi jispiċċaw swieq persjani fejn iċ-ċentru jitwarrab fil-periferija jew jitkeċċa għal kollox, bl-iskuża li dak li jiġri ma jixraqx lill-preżenza tiegħu, allura bir-rispett kollu neħduh f’post ieħor. Forsi minn hemm ma jarax u ma jismax.

Is-sintomu ġej minn mentalità.

Spiss, meta nippruvaw nistħarrġu n-nuqqas tas-sens tas-sagru u naraw x’inhuma l-għeruq tiegħu, arana nippuntaw subgħajna qisna d-driegħ ta’ boxxla miġnuna, u kif naraw id-driegħ se jdur lejna naraw kif nagħmlu biex insibu x’jaljenana.

Meta tħares lejn il-liturġiji li niċċelebraw, kważi fl-istess ħin li qed iseħħu, għax llum permezz ta’ fb u social media oħra nistgħu ingawdu l-grazzja tal-bilokazzjoni, bla ma trid tista’ tasal għall-fehma li ċ-ċentru mhux waqt iċ-ċapċip u l-għajjat biss jiġi eżiljat, iżda anke waqt il-liturġija li hija l-qima tal-Knisja Universali, wirt ta’ grazzja ħajja li żviluppat matul elfejn sena bil-għan li, magħqudin mal-Knisja kollha, nqimu u naduraw flimkien mal-Iben Ġesù Kristu Sidna, li hu Alla, flimkien mal-Ispirtu s-Santu, lil Alla l-Missier. Fit-Tieni Talba Ewkaristika inroddu ħajr lill Alla li għoġbu jilqgħana quddiemu biex naqduh. Imma lil min tassew qed naqdu?

Meta naqbdu dak l-imbierek mikrofonu ta’ bla kordi, ngħidu dak li jiġi f’ilsienna, niġru minn post għall-ieħor, inferfru jdejna u nxejruhom, donna qegħdin fi grawnd tal-futbol. Il-gosti personali tagħna fl-ilbies u fil-movimenti imposti fuq komunitajiet sħaħ, l-arbitrarjetà fl-użu tat-testi liturġiċi, il-psewdo kreajttività, li twassalna biex nibdlu l-liturġija fi spettakli vojta li jqanqlu l-emozzjonijiet iżda ma jerfgħulniex qlubna ’l fuq lejn Alla li bagħat lil Ibnu fid-dinja biex aħna ninbidlu fih, l-ippastardjar ta’ riti u tradizzjonijiet, mhux qed ikollhom l-effet veru li għalih tfasslu. Għalhekk inċapċpu bħax-xadini.

Fr Michael Bugeja

One thought on “Lil min tassew qed naqdu?

  • Reply Charlò Camilleri 11th October 2017 at 1:26 pm

    Mhux waħdi l-istramb mela :). Prosit Dun Michael.

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *