It-Taqbil tat-Tfal

X’inhi taqbila? F’kelma waħda, it-taqbil tat-tfal hu fergħa tat-tradizzjoni orali li tikkonsisti minn għadd ta’ versi li tipikament jingħadu jew jitkantaw mit-tfal jew lit-tfal għall-gost inkella waqt xi logħba.

Il-letteratura orali tgħaddi minn ġenerazzjoni għall-oħra permezz tal-fomm, u bis-saħħa t’hekk it-taqbil tat-tfal baqa’ ħaj sal-lum. Din it-tip ta’ letteratura minn dejjem kienet preżenti. B’mod partikolari, meta l-lingwa ma kinitx tinkiteb.

L-ewwel tip ta’ letteratura li t-tfal jiltaqgħu magħha f’ħajjithom aktarx tkun assoċjata mat-taqbil u għalhekk jista’ jingħad li t-taqbil hu parti mill-kultura orali fil-ħajja tat-tfal. Cassar Pullicino (1948 35) isaħħaħ dan l-argument meta jgħid li “l-ewwel letteratura li, fis-sens wiesa’ tal-kelma, ingawdu fi tfulitna huwa t-taqbil, il-versi.” Fit-taqbil tal-bidu, it-tfal jiltaqgħu ma’ ideat sempliċi iżda li fl-istess ħin “iwessgħu l-moħħ ċkejken” tagħhom (Cassar Pullicino 1975 55). It-taqbil huwa fuq kollox frott tal-immaġinazzjoni u permezz ta’ dan ibiddlu xi ħaġa li tkun ta’ taħt fuq għal xi ħaġa f’postha, jisħaq Cassar Pullicino (1975 57).

Skont Briffa, “it-taqbiliet iżidu mal-atmosfera pjaċevoli.” Fil-bidu nett taż-żgħorija, niltaqgħu ma’ taqbil assoċjat ma’ dak iż-żmien partikolari bħal: “Banni bannozzi”, “Agħmel xita agħmel”, “Wieħed, tnejn, tlieta, Paċikk qabeż mit-tieqa”, “Lanċa ġejja u oħra sejra” u ħafna iktar. Meta t-tfal jitfarfru sew u jaslu fl-aħħar taż-żgħorija, ikantaw għanjiet bħal “Pizzi pizzi kanna”, “Onġi onġi onġella”, “Ajma żaqqi kemm tuġagħni”, “Dawra durella” u diversi oħrajn (Briffa 94). Hija tip ta’ tradizzjoni orali li b’xi mod kulħadd kien jimmemorizzaha peress li kienet tingħad waqt il-logħob u permezz tal-melodija li lkoll joffru, jiġbdu l-attenzjoni tat-tfal u saħansitra tal-adulti.

It-tfal iħossuhom kunfidenti jgħidu t-taqbil għaliex il-vokabularju tagħhom huwa ħafif. Il-lingwaġġ huwa dirett u din hija raġuni għaliex il-maġġoranza tat-taqbil ikun qasir (Briffa 95). Xi taqbil jirrappreżenta storja, waqt li oħrajn ikunu bla storja jew “nonsense”, u din hija raġuni oħra li tikkonċerna l-qosor, għaliex il-konċentrazzjoni aktarx tkun limitata ħafna.

B’mod ġenerali t-taqbila tista’ tiġi ddefinita bħala melodija u versi qosra li ħafna drabi jinqraw jew jitkantaw mit-tfal, jew lit-tfal mill-adulti, l-aktar il-ġenituri u l-għalliema. Il-maġġoranza tat-taqbiliet inħolqu żmien twil ilu u b’hekk oriġinaw minn xi tradizzjoni jew ikunu dehru bħala kitbiet ippubblikati minn awturi li mhux minn dejjem kienu magħrufa.

Kull taqbila tvarja b’mod separat, skont l-istil, is-suġġett, it-ton u t-tema. Hija mżewqa b’numru ta’ karatteristiċi u ħafna drabi dawn ikunu jirriflettu t-tradizzjoni tal-post minħabba l-aspett kulturali li fihom. Fost il-karatteristiċi nsibu; ir-rima, il-vokabularju, l-alliterazzjoni, l-assonanza, l-onomatopea, il-kantaliena u l-karattri fost oħrajn.

Waqt li ħafna minnhom joffru pjaċir, oħrajn huma edukattivi bl-intenzjoni li jgħallmu lit-tfal temi bħall-alfabett u n-numri.

Referenzi:

Briffa, Charles. “It-Taqbiliet għaż-Żgħar.” Il-Kotba għat-Tfal. Editjat minn Michael J. Schiavone u Charles Briffa, Pubblikazzjonijiet Indipendenza, 2002, pp. 91-120.

Cassar Pullicino, Ġużè. Leħen il-Malti, Malta University Press, 1948.

Cassar Pullicino, Ġużè. “Taħnin, Tqabbil u Għana tat-Tfal.” Il-Folklore Malti, Malta University Press, 1975, pp. 51-60.

 

Rebecca Vella

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *