Is-Seħta u l-Iskunġrar

L-inklinazzjoni ta’ kull poplu lejn fenomeni sopranaturali li jagħtuh xi għamla ta’ sigurtà f’mumenti diffiċli hija sentiment qadim li jinsab f’kull kultura. Fost oħrajn, Bronislaw Malinowski joffri l-esperjenza personali tiegħu bħala xhieda tal-funzjoni psikoloġikament terapewtika ta’ kelmiet imlissna fi ħdan komunità vulnerabbli quddiem il-forzi ħżiena tan-natura (Sex, Culture and Myth 189).  Il-versi ta’ seħta u dawk li jiskunġraw kienu u f’xi każijiet għadhom, iservu lill-komunità Maltija wkoll f’kull aspett tal-ħajja: min jisħet u min jiskonġra, skont il-ħtieġa tal-waqt.

Billi din hija tradizzjoni orali ma nafux meta dawn il-versi oriġinaw. Skont Olvin Vella, fost l-eqdem referenzi għat-talb waqt it-tbaħħir insibu waħda ddatata fl-1575 li tinsab fir-rapport tal-Vista Apostolika li kien għamel Monsinjur Petrus Dusina (35). B’xorti tajba wkoll, ftit skunġrar jew ftit kliem ieħor tar-riqi jinstab fl-Arkivju tal-Inkwiżizzjoni. Cassar Pullicino wkoll isemmi eċċezzjoni waħda: is-sena speċifika tal-1788 li toħodna lura sa episodju partikolari ta’ dawn il-formoli maġiċi. Din id-data ġiet ikkonfermata minħabba li l-iskunġrar, u r-riti ta’ seħer li jmorru miegħu, kienu superstizzjonijiet suġġetti għall-kundanna tal-inkwiżitur (48-49). F’dan iż-żmien, minkejja t-torturi, il-popolin xorta baqa’ jemmen bis-sħiħ fil-versi maġiċi u fl-aċċessorji l-oħra li jwettqu ritwal komplut biex jitbiegħed id-deni minn fuqu, jew, bi skop kumplimentari, jitlob biex id-deni jmur għand l-għadu tiegħu.

Minkejja t-torturi, il-popolin xorta baqa’ jemmen bis-sħiħ fil-versi maġiċi

Waħda mir-raġuni li wieħed isib biex jikseb versi ta’ seħta u skunġrar hi li wħud minnhom jitlissnu b’vuċi baxxa, bl-intenzjoni li ma jinstemgħux, għaliex jekk jinstemgħu l-effett maġiku tagħhom jintilef. Stqarret dan Judith Schembri, li tkellmet dwar versi speċifiċi li jintqalu waqt id-dehra ta’ kewkba feġġa. Skont din il-kelliema, l-esperjenza tal-kewkba feġġa tqanqal fiha din is-sekwenza protettiva qadima:

“Nostrok ħa tostorni,
sa ma tiġi l-mewt tiġborni.”
(Schembri, kif ikkwotata minn Schembri Fava 23)

Il-fatt li l-kelliema tgħid dawn il-versi minn taħt l-ilsien, u bla ma tiżvela lil ħadd li rat il-kewkba feġġa, jixhed biża’ mill-gwaj li jista’ jitqanqal imqar meta jinstema’ ddiskors maġiku. Din il-formola maġika għadha taqdi lil Schembri u lin-nies qrib tagħha sal-lum, u dan l-użu kontemporanju huwa sorprendenti meta wieħed iqis li sa mill-ewwel parti tas-seklu 20 kittieb bħal Juann Mamo (fin-novella tiegħu “Ta’ Rasu Iebsa”) diġà kien qiegħed iħaddem l-għodda satirika tiegħu biex jiżżuffjetta bl-element superstizzjuż f’dan it-tip ta’ formoli maġiċi. L-osservazzjoni ta’ Bernard Micallef fl-istudju “L-Arti Satirika fin-Novelli ta’ Juann Mamo: Minn Realtà Storika sa Frattarija ta’ Perspettivi,” tiffoka fuq l-idjomi rurali fissi li f’għajnejn il-popolin kienu jħarsu lill-komunità mid-deni u mill-magħmul, iżda li f’għajnejn in-narratur satiriku ta’ Mamo jispiċċaw il-mira tal-attakk burlesk, jew oġġett ta’ ridikulaġni (5).

Din hija replika ta’ dokument bi kliem maġiku Għarbi minn ġewwa li ttieħed mill-Palazz tal-Inkwiżitur.

Replika ta’ dokument bi kliem maġiku Għarbi minn ġewwa li ttieħed mill-Palazz tal-Inkwiżitur.

Il-varjant li jagħti Mamo fi stadju relattivament bikri tan-narrattiva Maltija mhuwiex daqstant imbiegħed mill-varjant ta’ Schembri miġbur minni (Vella Juann Mamo Ġrajja Maltija: Ġabra ta’ novelli 88). Hemm diskrepanza interessanti bejn il-ġestikulazzjoni goffa, l-għajjat, l-istorbju, u t-twissijiet misħuqa tal-karattri ta’ Mamo huma u jseddqu dawn il-versi, u t-tlissin minn taħt l-ilsien tal-istess formola maġika fil-każ ta’ Schembri, bl-iskop li ma tiżvelax ma’ ħaddieħor li tkun rat kewkba feġġa, intenzjoni li wara kollox hija espressa fil-verb “nostrok.” Saħansitra meta fl-intervista ġiet mistoqsija għala tlissen il-versi mingħajr l-intenzjoni li jinstemgħu, u allura mingħajr ma tiġbed lattenzjoni ta’ ħaddieħor lejn is-sinjal ta’ deni li tkun rat, wieġbet li l-versi nfushom jitolbu hekk meta tgħid “nostrok.” Schembri kompliet tenfasizza li jekk tgħid il-formola b’vuċi għolja tkun qiegħda tmur kontra dak li qiegħda tlissen fil-versi bħala intenzjoni mwettqa fl-istess waqt (Schembri Fava 24-26).

Meta l-popolin ħassu vulnerabbli kontra l-ħażin, mhux biss dar lejn forzi differenti biex jipproteġuh, imma għaqqadhom flimkien ukoll biex ikollu forza akbar. Xi drabi wkoll għaqqad flimkien mhux biss l-element superstizzjuż u reliġjuż, imma magħhom niseġ il-vulgarità, li ġiet meqjusa bħala għodda oħra potenti biex tinqeda bil-ħażin kontra ħażin akbar. Wieħed jistaqsi għalfejn il-popolin li jħaddan il-versi maġiċi b’fiduċja sħiħa fl-effett tagħhom ma jintebaħx li qiegħed iwettaq ritwal pagan? Aktarx il-popolin niseġ ir-ritwal sagru ma’ dak maġiku (pagan) għax hemm wisq elementi li huma komuni bejniethom, u moħħ il-bniedem li jemmen ma jintebaħx bid-differenza f’mumenti diffiċli f’ħajtu.

Raġuni oħra għala l-popolin għaqqad is-sagru mal-pagan seta’ kien il-fatt li l-Knisja stess tinqeda b’aċċessorji tradizzjonali bħall-weraq taż-żebbuġ li għandu tradizzjonijiet maġiċi u superstizzjużi lil hinn mill-kanoni Kattoliċi, u jidwi din it-tradizzjoni mifruxa u qadima meta jinżamm id-dar biex l-abitazzjoni u l-abitanti jkunu mħarsa minn xi għajn ħażina. Madankollu, il-Knisja żgur qatt ma qalet li wieħed għandu jinseġ kliem vulgari ma’ ieħor sagru biex ibiegħed id-deni jew iressaq il-ħażin lejh, jew aktar minn hekk jisħet lill-għadu tiegħu.

Meta l-popolin ħassu vulnerabbli kontra l-ħażin, mhux biss dar lejn forzi differenti biex jipproteġuh, imma għaqqadhom flimkien ukoll biex ikollu forza akbar

Jidher li l-intenzjoni f’dawn il-versi mhux dejjem kienet waħda “pura” kif jimplika Cassar Pullicino (Cassar Pullicino kif jidher fi Schembri Fava, 97). Fil-fatt, jidher li proprju għalhekk il-popolin ħoloq versi oħra ta’ protezzjoni, għax kien jaf li ġewwa qalbu m’għandux biss ħsibijiet safja. Il-formoli nfushom jixhdu dan kollu meta jirriflettu l-qagħda tal-individwu li jirreċtahom: biża’ minn xi magħmul jew mard; tensjoni u ħsibijiet dwar l-imħabba, il-ħajja u l-mewt, fost oħrajn. Mumenti li ntisġu f’għamla ta’ versifikazzjonijiet mill-popolin stess bħala sors ta’ żvugar jew serħan il-moħħ.

Yanika Schembri Fava

Stampa: Replika li ttieħdet mill-Palazz tal-Inkwiżitur ta’ paġna miftuħa fil-każ tal-40 saħħara, fejn tidher it-taqbila ta’ seħta: “Jannar, Jannar, Jannar”.

REFERENZI

Cassar Pullicino, Ġużè. Skunġrar u Orazzjoni fil-Poeżija Popolari Reliġjuża F’Malta. Malta: L-Università ta’ Malta, 1981. Stampat.

Micallef, Bernard. “L-Arti Satirika fin-Novelli ta’ Juann Mamo: Minn Realtà Storika sa Frattarija ta’ Perspettivi.” Il-Malti: Rivista tal-Akkademja tal-Malti. Malta: Akkademja tal-Malti, 2015. Stampat.

Malinowski, Bronislaw. Sex, Culture and Myth. New York: Harcourt, Brace & World, 1962. Stampat.

Schembri Fava, Yanika. Funzjonijiet Soċjali tal-Vers Popolari Malti: Is-Seħta u l-Iskunġrar, teżi tal-B.A. L-Università ta’ Malta, 2016.

Vella, Alex. Juann Mamo Ġrajja Maltija: Ġabra ta’ Novelli. Malta: Klabb Kotba Maltin, 2010. Stampat.

Vella Olvin. L-għejun tal-Istorja tal-Ilsien Malti: Ġabra ta’ Dokumenti bil-Malti mill-Bidu sa Vassalli, teżi tal-M.A. L-Università ta’ Malta, 2006.

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *