Ir-Realtà tat-Tfal fid-Djar Residenzjali

Diversi nies jaħsbu li l-bżonn li xi tfal u żgħażagħ joħorgu minn ġol-familji tagħhom sabiex jgħixu f’xi post alternattiv hija xi ħaġa rari jew tal-passat. Oħrajn isibuha diffiċli biex jemmnu li ħafna drabi tkun ix-xewqa ta’ dawn it-tfal u ż-żgħażagħ stess li joħorġu mill-familji tagħhom. Ilni għal dawn l-aħħar ħmistax-il sena naħdem mat-tfal vulnerabbli u li qed ifittxu familja alternattiva, u fl-ebda żmien id-domanda għal servizzi residenzjali ma naqset.

Mhux kull tifel u tifla f’Malta u Għawdex għandhom l-opportunità li jikbru ġewwa familja. Din hija realtà li kultant insibuha diffiċli biex inniżluha jew naċċettawha. Imma huwa fatt. Għal xi wħud, il-familja jew id-dar mhux il-post li fih qed isibu min jilqa’ għall-bżonnijiet bażiċi tagħhom, bħall-ikel, ħwejjeġ, post diċenti fejn torqod u tinħasel, eċċ. Għal oħrajn il-ġenituri ma jfissrux imħabba u wens, imma problemi, traskuraġni u diversi drabi anke abbuż. Hemm diversi raġunijiet u ċirkustanzi għalfejn tifel jew żagħżugħ jagħżel li joħroġ mid-dar u dawn ħafna drabi jinkludu kumbinazzjoni ta’ diversi fatturi bħar-relazzjonijiet bejn l-adulti li mhumiex stabbli, problemi ta’ saħħa mentali, użu ħażin ta’ sustanzi bħal drogi u alkoħol, nuqqas ta’ maturità mill-ġenituri, traskuraġni, vjolenza domestika, kriminalità u anke faqar.

It-tfal jew iż-żgħażagħ qatt ma jiġu jgħixu f’dar alternattiva għax għandhom imġiba diffiċli, imma għax hemm xi nuqqas gravi fit-trobbija. Ir-realtà tal-orfni, tfal li jitilfu liż-żewġ ġenituri, naqqset ħafna u rari tkun ir-raġuni. Xi wħud mit-tfal jagħżlu u jitolbu huma stess li joħorġu minn ġo djarhom, u dan ħafna drabi jkun jirrifletti l-gravità tas-sitwazzjoni. Għal tfal oħrajn dan il-pass jiġi ordnat mill-qorti permezz t’Ordni ta’ Ħarsien jew Kura, wara li l-qorti tkun eżaminat sewwa s-sitwazzjoni d-dar. Dan mhux dejjem huwa faċli għat-tfal, speċjalment meta jħossu li huma qed jiġu kkastigati minħabba n-nuqqasijiet tal-ġenituri jew ta’ min suppost qed jieħu ħsiebhom. Minkejja dan, ħafna djar tat-tfal iqisu ħafna x-xewqa tat-tfal qabel dawn jidħlu fil-kura tagħhom. Jekk per eżempju nieħu l-każ tad-Dar San Ġużepp, importanti ħafna għalina li t-tifel jew iż-żagħżugħ ikun jixtieq jew konvint li jixtieq jiġi jgħix magħna. Ma tagħmilx sens li tagħti ambjent ta’ familja lil xi ħadd bi sforz. Dan ifisser li għal xi wħud mit-tfal l-ewwel perjodu jeħtieġ ħafna ħin, paċenzja u persważjoni.

Tfal li jehtieġu ambjent ta’ familja alternattiva għandhom quddiemhom iktar minn għażla waħda. Minbarra d-djar tat-tfal, dan l-aħħar 20 sena f’Malta żdiedu ħafna familji li joffru li jrabbu lil dawn it-tfal fl-intimità tal-familji taghhom, magħruf aħjar bħala fostering. Xi wħud mit-tfal jiġu wkoll addottati minn familji u allura legalment dawn it-tfal ikunu saru parti minn din il-familja. Għal xi żmien il-politiċi madwar id-dinja kienu qed iqisu l-fostering bħala l-aħjar alternattiva, speċjalment meta mqabbel mal-istituzzjonijiet kbar u rigidi tal-passat. Illum il-ġurnata diversi pajjizi, mhux neċessarjament fix-xena lokali, irrealizaw illi għalkemm il-fostering huwa pożittiv ħafna, mhux dejjem huwa l-aħjar alternattiva għal kull tifel. Xi wħud mit-tfal jippreferu li ma jgħixux fl-intimità ta’ familja żgħira; oħrajn ikunu kibru u ma jikkunsidrawx li jibdew ħajja ġdida ġo familja li ma jafux; oħrajn ikunu għaddew mingħand diversi foster families u jkunu jridu jissetiljaw x’imkien aktar stabbli.

Anke f’Malta għandna r-realtà ta’ tfal zgħar li diġà għaddew minn 5 familji differenti. Tfal oħrajn jeħtieġu attenzjoni partikulari jew tim ta’ nies professjonali fl-immedjat ta’ ħajjithom minħabba l-imġiba Ii jkunu żviluppaw. Bl-ebda mod ma rrid nikkumpara bejn fostering u djar residenzjali. Qiegħed insostni biss li t-tnejn huma neċessarji. Hija realtà wkoll li d-djar tat-tfal għandhom sfida enormi quddiemhom minħabba li l-għeruq tagħhom huma ġejjin mir-realtà t’istituzzjonijiet kbar. Allura l-isfida l-kbira hija li kemm jista’ jkun id-djar residenzjali joffru ambjent simili għal familja. Ħafna minn dawn id-djar illum il-ġurnata mxew ħafna f’din l-evoluzzjoni. F’dan id-dawl it-terminu ‘Istitut’ m’għadux jintuża. Bil-mod il-mod anke l-frażi ‘Djar Residenzjali’ qed tinbidel fi ‘Group Foster Homes‘, bidla li ma tirrifflettix biss bidla kożmetika iżda fuq kollox bidla fl-attitudni, u l-mod ta’ kif tingħata l-kura.

 

L-GħST se tkun qed torganizza l-Orange Campaign fl-Università ta’ Malta bejn it-Tnejn u t-Tlieta, 5 u 6 ta’ Diċembru 2016. Il-qligħ minn din l-attività jmur għall-Uffiċċju Ejjew Għandi. Għal aktar dettalji, jekk jogħġbok żur https://www.facebook.com/events/1816558388633953/.

David Schembri, imwieled fl-1979 f’Birkirkara, huwa gradwat mill-Università ta’ Malta fis-Social Work. Huwa wkoll Play and Creative Arts Therapist (PTUK). Ilu għal dan l-aħħar 15-il sena jaħdem fid-Dar ta’ San Gużepp, fejn huwa responsabbli mit-tmexxija tad-dar residenzjali. David huwa miżżewweġ u missier ta’żewġt itfal.

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *