Int x’tgħid? Perit jew perita? Sindku jew sindka?

Illum il-ġurnata nafu li d-dominanza tal-irġiel fi professjonijiet, xogħlijiet jew karigi bil-mod il-mod qed tirriduċi ruħha. Fejn qabel in-nisa kienu joqogħdu d-dar jieħdu ħsieb it-tfal, fi żmienna qed jiġri pjuttost bil-kontra. Diversi nisa mhux talli bdew deħlin fil-postijiet tax-xogħol, talli saħansitra bdew jokkupaw pożizzjonijiet li qabel kienu okkupati biss mill-irġiel.

Din il-bidla soċjali ġabet magħha bidla lingwistika għaliex beda jinħoloq dubju u nuqqas ta’ qbil kif kelliema nattivi tal-Malti jirreferu għal mara fi professjoni, xogħol jew kariga.

L-awtur hu u jitkellem fuq dan is-suġġett waqt is-seminar dwar Is-Sessiżmu fil-Lingwa Maltija, organizzat mill-Akkademja tal-Malti. (Ritratt meħud minn fuq is-sit tal-Akkademja)

L-awtur hu u jitkellem fuq dan is-suġġett waqt is-seminar dwar Is-Sessiżmu fil-Lingwa Maltija, organizzat mill-Akkademja tal-Malti (Ritratt meħud minn fuq is-sit tal-Akkademja)

Il-Malti, bħala lsien mitkellem u miktub, kif qed jadatta ma’ dawn it-tibdiliet soċjali li qed iseħħu fis-soċjetà progressiva u ugwali li qed ngħixu fiha llum? Biex tiġi mwieġba din il-mistoqsija nħass il-bżonn li ssir riċerka. Din ir-riċerka saret permezz ta’ kwestjonarji u intervisti. Il-kwestjonarju ngħata lin-nies komuni fejn ġie studjat kif huma jirreferu għal mara fi professjoni, xogħol jew kariga. Barra minn hekk, biex nara n-naħa l-oħra tal-munita, ġew intervistati nisa professjonisti jew f’kariga, fejn ġie studjat kif huma nfushom jippreferu li jiġu msejħa u x’inhi l-opinjoni tagħhom dwar dan l-aspett.

B’mod ġenerali mir-riżultati ħareġ li filwaqt li n-nies komuni jippreferu li jirreferu għal mara fi professjoni, xogħol jew kariga l-iktar bil-forma femminili tan-nom, dik immarkata (bħal pereżempju ‘perita’), in-nisa intervistati, dawk fi professjoni jew kariga jippreferu li jiġu msejħa bil-forma maskili tan-nom (bħal pereżempju ‘perit’ u ‘sindku’).

Għal aktar informazzjoni ara t-teżi ‘Il-ġens tan-nomi li jirreferu għal mara fi professjoni xogħol jew kariga’.

Joseph Charles Galdes

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *