In-Nisrani u l-Kultura

“Fid-dinja imma mhux tad-dinja.” Hekk qal Ġesù dwar id-dixxipli tiegħu fit-talba lill-Missier qabel ma bata għalina. F’dokument tat-tieni seklu tal-Knisja, imsejjaħ Ittra lil Djonjetu, naqraw: “L-insara ma għandhomx x’jagħżilhom mill-bqija tal-bnedmin, la l-pajjiż, la l-ilsien, u lanqas drawwiet speċjali… Ħajjithom hi fuq l-art, iżda belthom is-sema.”

Ġesù jsejjaħ ukoll lid-dixxipli tiegħu biex ikunu “melħ tal-art u dawl tad-dinja” u, mill-ġdid, fl-Ittra lil Djonjetu naqraw li “dak li r-ruħ hi għall-ġisem, hekk l-insara għad-dinja.” Huwa evidenti minn dan il-kliem li l-influwenza għandha tkun tal-insara fuq il-kultura u d-dinja ta’ madwarhom.

L-esperjenza tagħna tgħallimna mod ieħor: kemm il-kultura u dak kollu li jiġri madwarna jħallu marka fuq in-nisrani. Diversi ġrajjiet f’pajjiżna u fid-dinja tagħna juruna kemm hu faċli li n-nisrani jsir “tad-dinja” waqt li jkun “fid-dinja.” Qed isir iktar frekwenti diskors li jagħmel qasma bejn il-ħajja spiritwali tan-nisrani u l-għażliet li jagħmel fil-qasam tal-ħajja ta’ kuljum, bħalma huma l-politika, l-etika, relazzjonijiet mal-oħrajn, eċċ.

Xi drabi nsibu wkoll reazzjoni f’forma ta’ integraliżmu għal dan il-fenomenu. Bħalma ġara fl-ewwel sekli tal-Knisja, insibu gruppi ta’ nsara li jingħalqu fihom infushom u ma jkunux lesti li jidħlu fi djalogu mas-soċjetà. B’hekk jintilef is-sens profetiku tan-nisrani.

Nagħti żewġ eżempji mill-Istati Uniti, li fl-opinjoni tiegħi, juru dawn iż-żewġ estremi. Kellna lil Tim Kaine, magħżul minn Hillary Clinton bħala l-kandidat għal Viċi President li kieku rebbħet hi l-elezzjoni. Kaine jiddeskrivi lilu nnifsu bħala “kattoliku devot,” imma mbagħad, fil-ħajja pubblika tiegħu huwa favur l-għażla għall-abort, żwiġijiet bejn kopjji tal-istess sess, adozzjonijiet mill-istess koppji, u l-ordinazzjoni tan-nisa bħala saċerdoti.

Min-naħa l-oħra, insibu lil dawk kollha li vvutaw għall-President Donald Trump minħabba l-għajta tiegħu kontra l-abort u l-għażla ta’ mħallfin għall-Qorti Suprema tal-Istati Uniti. Dawn ħassewhom komdi jixħtu l-vot tagħhom lilu minkejja li mbagħad hemm diversi aspetti oħra tal-politika tiegħu li jmorru kontra t-tagħlim soċjali tal-Knisja, bhalma hi l-immigrazzjoni, is-solidarjetà bejn il-ġnus, il-paċi dinjija, id-dinjità tal-mara u l-kumplament.

Qegħdin ngħixu f’dinja kumplessa ħafna. Fi kliem il-Papa Benedittu XVI, “il-problema vera ta’ dan il-mument tal-istorja tagħna hi li Alla qed jisparixxi minn fuq l-orizzont tal-bniedem… U meta jintefa’ d-dawl ta’ kif Alla jħares lejn ir-realtà, l-umanità titlef il-boxxla, b’effetti distruttivi li qed isiru iżjed evidenti.”

Għalfejn qed igħib id-dawl ta’ Alla? Mill-ġdid it-tweġiba hija kumplessa. Imma nemmen li waħda mit-tweġibiet hija li n-nisrani m’għadux biżżejjed dixxiplu fidil. Qed iħalli wisq l-influwenzi tad-dinja imexxuh. Qed isir dejjem iżjed “tad-dinja,” inklużi dawk li forsi juru li huma reliġjużi. Hemm min irid jipprivatizza l-fidi u hemm min għamel ideoloġija mir-reliġjon. Nemmen li din tispjega, almenu in parti, il-qasma li bħalissa tinħass fil-Knisja Kattolika.

Id-dixxiplu huwa dak li jagħżel li jpoġġi lilu nnifsu f’riġlejn l-Imgħallem sabiex jitgħallem minnu, jisma’ b’attenzjoni l-kelma tiegħu, u jħalli li jkun l-Ispirtu tiegħu li jgħinu jifhem ir-realtà li fiha jgħix u kif iġib ruħu u x’għażliet jagħmel f’din ir-realtà. Irridu nitgħallmu noqgħodu fis-silenzju, nisimgħu, nirċievu, niġu ffurmati.

Min jemmen irid jagħmel għażla konxja li jkun dixxiplu, iħalli l-Kelma tbiddlu minn ġewwa, u jissielet biex jgħix u jagħti xhieda tal-valuri tiegħu. F’dan il-kuntest, l-appoġġ tal-komunità isir ukoll dejjem iżjed meħtieġ.

 

Fr Nicholas Cachia qiegħed jaqdi l-ministeru tiegħu bħala Lecturer u Formation Advisor fis-Seminarju Reġjonali St Vincent de Paul fi Florida, l-Istati Uniti. Hu wieħed mid-Diretturi tas-Seminary Formation Council li qed joffri Ċertifikat għall-Formaturi tas-Seminarji. Qabel kien Direttur Spiritwali fis-Seminarju ta’ Malta u jgħallem fl-Università ta’ Malta.

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *