Il-Vjaġġ

Nista’ ngħid li l-esperjenzi tiegħi bħala persuna gay huma esperjenzi uniċi li ffurmawni u għadhom qed jiffurmawni, kif wara kollox huma l-esperjenzi li kull wieħed u waħda minna jgħaddu minnhom kuljum.

T’età żgħira kont diġà nħoss ġibda lejn l-għalliema rġiel fl-iskola primarja tiegħi, però ma kontx nifhem x’qed jiġri ġo fija. Aktar ma għadda żmien, meta dħalt is-sekondarja, dawn il-ġibdiet komplew jikbru, l-aktar fiż-żmien tal-adolexxenza. Peress li kont imrobbi f’ambjent ta’ reliġjożità stretta ħafna fil-familja (talb kuljum, rużarji, quddies, eċċ.), kont infittex li nissoprimi dawn il-ġibdiet, minħabba li kont naħseb li huma ħżiena. Fil-familja kulma kellu x’jaqsam mas-sess kien meqjus bħala taboo. Però fil-ħolm li kien ikolli bħala żagħżugħ, dawn il-fantasiji sesswali kienu mqanqlin u qawwijin ħafna.

Għadda aktar żmien, u ppruvajt nagħmel esperjenza ma’ komunità ta’ patrijiet. Din l-esperjenza damet biss sena u nofs, minħabba li dak iż-żmien kont ninsab għaddej minn kriżi t’identità kbira. Lanqas kont naf min jien. Kont repressed ħafna u mentalment għajjien wkoll. Biex tgħaqqad, ma domtx ma ngħaqqadt ma’ grupp ta’ lajċi li jiffurmaw komunità, u hawn għaddejt minn żmien iebes, fejn waqajt f’dipressjoni. Qaluli li jien minix gay, u li stajt noħroġ minn din il-‘kundizzjoni’ billi nibda noħroġ mat-tfajliet. Hekk pruvajt nagħmel, iżda ma kontx insaddad ma’ tfajla aktar minn gimgħa!

Meta kelli madwar 39 sena, iddeċidejt li nħalli l-grupp u fl-aħħar nibda ngħix ħajti. Bdejt insir attiv sesswalment. Ma kien hemm l-ebda affezzjoni, u għalkemm kont qed infittex l-imħabba, sibt ħafna drabi min jużani.

Wara xi xhur f’din it-tip ta’ ħajja, sibt ruħi f’kunflitti kbar bejn dak li kont nemmen (il-valuri tiegħi ta’ Nisrani) u dak li kont qed nesperjenza. Kont inħoss vojt u dwejjaq kbar, u kont depressed ħafna. Fl-aħħar iddeċidejt li nfittex l-għajnuna mill-istess grupp fejn kont nattendi qabel. Il-katekisti offrew li jilqgħuni lura, iżda biss wara li nagħmel sena barra mill-grupp, sabiex ‘nikkonverti minn dawn il-ħniżrijiet li għamilt’ – hekk qaluli. Mela wara xi sena oħra, erġajt dħalt fil-komunità u hemmhekk ġegħluni naqta’ kull kuntatt ma’ kull persuna gay li kont naf.

Perà ladarba titqanqal fik din ix-xewqa profonda li tiskopri dak li veru int, bħal qisu vulkan li xi darba jrid bilfors jisplodi, ma tibqax l-istess. Fil-fatt wara ftit taż-żmien xbajt u ddeċidejt li nitlaq mill-grupp darba għal dejjem. Iddeċidejt li nikkuntattja lill-moviment MGRM, u dawn mill-ewwel issuġġerewli nkellem lill-grupp Drachma, li hu grupp ta’ persuni gay li jħaddnu ċertu valuri filwaqt li jgħixu s-sesswalità tagħhom to the full f’relazzjoni stabbli.

Issa ilni diversi snin membru fi ħdan din il-komunità Drachma, u nistqarr li qatt ma sibt grupp li jilqagħni daqshekk, u li tiegħu nħossni parti ħaj. Hemmhekk sibt nies ġenwini li tawni sapport u mxew miegħi tul dan il-vjaġġ li qed nagħmel minn mindu ħrigt mill-closet tiegħi. Ilni wkoll madwar sena f’relazzjoni ma’ ġuvni bil-għaqal li wkoll kellu storja diffiċli, iżda li flimkien ngħixu din il-ħajja rigal ta’ Alla għalina, b’impenn u b’sapport kontinwu lil xulxin. Fuq kollox jien nemmen li ħajti mhijiex ġisem biss. Kull aspett tal-bniedem huwa importanti, u għandu jingħata l-importanza li jistħoqqlu. Jekk tittraskura aspett wieħed, ma ssir qatt bniedem sħiħ.

Alla jridni nkun bniedem sħiħ, fil-milja tiegħi. Dan jista’ jseħħ biss jekk jien ngħix l-umanità tiegħi fit-totalità tagħha. Inħoss li tul dan il-vjaġġ ta’ ħajti s’issa skoprejt u għadni qed niskopri l-ġmiel tal-ħajja u l-importanza li wieħed iħares lejn dan is-sabiħ, speċjalment f’mumenti ta’ struggles jew kunflitti. Grazzi għas-sapport kontinwu li nsib mill-partner tiegħi, kif ukoll mingħand ħuti fil-grupp Drachma, nies professjonali u saċerdoti partikolari, jien issa bdejt dan il-vjaġġ fejn nagħraf li jien maħbub hekk kif jien, u nitgħallem nibda nħobb lill-oħrajn hekk kif inhuma, bla kundizzjoni.

Nemmen li l-ħajja hija rigal minn Alla, li jrid jarani kuntent, u li qed ngħix din il-ħajja li tani f’awtentiċità sħiħa. Dak li veru jien huwa dak li Alla għamilni, u dak li għandi x’noffri sakemm indum ħaj lil dawk ta’ madwari. Għalkemm naf li l-ħajja ta’ persuna gay mhijiex faċli, lest li nkompli naffaċċja l-isfidi kollha li din il-ħajja sa tippreżentali. Għax minix aktar waħdi. Għandi maġenbi persuna li tħobbni kif jien, kif ukoll tant u tant nies li kuljum jagħmluli kuraġġ bil-mod kuraġġuz li jgħixu ħajjithom u jgħinnu biex il-ħajja tal-oħrajn tkun aħjar u isbaħ. Fuq kollox, nemmen li Alla qatt ma ħallieni waħdi f’din l-isfida tal-ħajja, u li din l-Imħabba tgħix miegħi kontinwament, f’dak kollu li jien u f’dak kollu li nagħmel.

Laurence

Drachma (Drachma LGBTI and Drachma Parents Group) is a space open to all persons of good will who seek sexual and spiritual integration. It includes lesbian, gay, bi-sexual, transgendered and intersex persons, as well as friends of LGBTIQ persons who wish to meet to pray together and explore the intersections between sexuality, gender, gender identity, faith, spirituality and religion. It also includes parents, siblings, relatives and all those who wish to accompany and support LGBTIQ people, and other parents and relatives of LGBTIQ persons in their life journeys.

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *