Il-Mara l-Ħoxna: ix-xipli, il-godlija, u l-bejniet

L-idjoma dwar id-dehra tagħna, bħala bnedmin u bħala Maltin, ma tonqosx. Ħu mill-għana tradizzjonali (“L-Aqwa Nisa l-Maltin,” tar-Ringu), u poeżiji oħra (ara l-istudji t’Immanuel Mifsud), u tinduna kemm dan hu minnu. Imma qabelxejn, x’nifhmu b’użu idjomatiku? Minbarra li b’idjoma nifhmu mod ta’ espressjoni, nifhmu wkoll frażi li intużat ħafna u għalhekk it-tifsira tagħha ma taqbadhiex mill-kelmiet individwali li jsawruha.

L-idjomi li jixħtu dawl fuq xi ħadd li minnu naraw id-dawl, jew le, mhumiex ftit.

Is-similitudnijiet

Persuna ħoxna jew irqiqa, ma’ xiex inqabbluha? Jekk xi ħadd ikun irqiq, ironikament, inqabbluh ma’ xi ħaġa tal-ikel u ngħidu qisu aringa jew qisu sifja (parti mill-qamħa).

Ta’ spiss inqabblu persuna ma’ annimal, speċjalment jekk din tkun ħoxna, f’idjomi bħal qisu baqra. Similitudnijiet oħrajn jużaw il-partiċella “daqs.” Ħu minn irqiq daqs serratizz jew oħxon daqs bettija. Tqabbiliet bħal dawn jgħinu lill-kelliema jpinġu stampa tal-persuna f’moħħhom.

(Fih) qabda idjomi

Ta’ spiss flok irqiq nużaw niexef u nsibu għadd ta’ idjomi li jużaw din il-kelma: niexef għuda, niexef qasba, u niexef qoxqox. Nużaw ukoll idjomi bħal irqiq lasta, irqiq stikka, u rqiq lewlu. Fejn tidħol l-irquqija ta’ spiss nużaw il-ġisem stess biex nispjegaw il-qagħda tal-bniedem f’idjomi bħal għadma u ġilda, u żaqqu ma’ dahru. Għall-ħxuna nużaw għadd ta’ oġġetti li huma goffi f’idjomi bħal oħxon kartell, oħxon katuba, u oħxon romblu. Ta’ min ninnutaw li fejn tidħol l-irquqija nsibu referenza għall-injam bħala materjal, filwaqt li fejn tidħol il-ħxuna nsibu referenza għall-oġġetti magħmula mill-injam.

L-ewfemiżmi

Peress li l-prudenza hi virtù nazzjonali, ta’ spiss insibu min juża l-ewfemiżmi biex lil dak li jkun jgħidlu rqiq jew oħxon … bla ma jgħidhielu. Mela lil xi ħadd irqiq ngħidulu se jinqasam jew mixrub u lil xi ħadd oħxon ngħidulu mibrum, mimli, jew qawwi. Ngħiduha kif inhi, li xi ħadd ikun oħxon jew irqiq jiddependi mill-perċezzjoni ta’ dak li jkun; billi nużaw ewfemiżmu m’aħna se nżidu jew innaqqsu xejn, ħlief li nkunu qed nagħmlu użu effettiv tal-lingwa. L-istess persuna tista’ tkun fiha faħal għal min hu sifja, u sifja għal min fih faħal.

Il-kollokazzjonijiet

Daqskemm irqiq jew oħxon jintużaw għall-bnedmin, jikkollokaw ukoll mal-oġġetti. Filwaqt li ħafna drabi l-ħxuna fil-bniedem mhux meqjusa bħala kwalità sabiħa (tank ħara), fl-oġġetti tista’ titqies bħala kwalità pożittiva f’idjomi bħal ktieb oħxon jew għoġol smin. Ħarsa lejn l-MLRS turina li l-kelma oħxon toqgħod ma’ kliem bħal żball, melħ, zokk, leħen, ċpar, ħabel, xagħar, u nuċċali, u ħoxna toqgħod ma’ gidba, qoxra, ġilda, lenti, musrana, ġakketta, karta, u pezza. Ta’ min ngħidu li filwaqt li l-kelma mara titla’ bħala waħda mill-kliem li l-iktar jikkollokaw ma’ ħoxna, raġel ma titlax bħala waħda mill-kelmiet li l-iktar jikkollokaw ma’ oħxon. Dan jorbot mal-mod kif nipperċepixxu l-mara u l-figura tal-mara li nirreferi għaliha fit-titlu. L-arkeologu David H. Trump jgħid li d-deskrizzjoni tal-figura tal-mara l-ħoxna mhi xejn iktar minn preġudizzju maskili għax is-sess tal-figuri mhux indikat b’mod espliċitu. Li nqisuha mara, jgħid Trump, hi konvenzjoni li mhi msejsa fuq l-ebda prova.

Fil-każ ta’ rqiq insibu li din tikkolloka ma’ kliem bħal deni, tewm, tursin, basla, bżaru, saff, frott, leħen, trab, xorb, wajer, u raba’, u rqiqa toqgħod ma’ statura, xagħarha, falda, linja, twila, tipa, basla, takkuna, werqa, u toqba. Interessanti li kemm irqiq/a kif ukoll oħxon/ħoxna nsibu li joqogħdu ma’ numru ta’ kliem komuni (fil-każ t’oġġetti).

Għall-grazzja t’Alla

… wasalna fl-aħħar. U hawnhekk ma nistax ma nsemmix l-idjoma reliġjuża li dejjem issib postha fid-diskors tagħna meta għal xi ħadd oħxon ngħidu li qiegħed fil-grazzja t’Alla. Ma ninsewx li l-kliem jitgħabba b’tifsiriet u konnotazzjonijiet maż-żmien skont il-kuntest u l-kultura li jkun kiber fiha. Hawn mhux se nidħol f’kemm il-mara tiġi ġġudikata iktar mir-raġel u kemm hemm qwiel li jippreġudikaw lill-mara … imma din xi ħaġa li ta’ min naħsbu fuqha sew.

Nispiċċa bi frażi li kienet tużaha n-nanna għal xi ħadd li mhux mejjet bil-ġuħ u jkun jiflaħ. Kienet tgħid: jekk taqbdu toqtlu! U riditx tfisser li toqtlu bil-ġuħ.

Dan l-artiklu nkiteb minn Leanne Ellul, il-President tal-Għaqda tal-Malti – Università.

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *