Il-Makkjetta: Riċetta Maltija għall-Buri u l-Geddum

Għalkemm il-makkjetta x’aktarx bdiet lejn l-aħħar tas-seklu dsatax u l-bidu tas-seklu għoxrin, u għadha teżisti sal-lum il-ġurnata, qatt ma kienet intefgħet attenzjoni diretta fuqha u ġiet studjata mill-qrib. B’hekk ġara li ħafna materjal fuqha u fuq l-esponenti tagħha diġà ntilef, u dan kompla joħloq ritratt imċajpar tal-makkjetta minħabba n-nuqqas ta’ informazzjoni li teżisti dwarha. Din hi sitwazzjoni ta’ ħasra meta tqis li din serviet bħala mezz ta’ divertiment popolari għal tant Maltin u tat gost lill-poplu tagħna għal bosta snin, imqar fis-snin koroh ta’ dipressjoni tal-gwerra.

Il-makkjetta qiegħed insejħilha ġeneru popolari-folkloristiku għaliex tixrob minn dawn iż-żewġ għejuni. Fil-kuntest Malti jidher li l-makkjetta hija l-wild tal-ewwel attivitajiet teatrali popolari li kienu jsiru fl-irħula u fl-ibliet madwar Malta u Għawdex. Aktar tard din kompliet tingħata spinta fl-ewwel diski li ġew irrekordjati f’pajjiżna fl-ewwel snin tat-tletinijiet u mbagħad minn nofs il-ħamsinijiet ’il quddiem.  It-teatrini Maltin wirtu bosta mill-forom tat-teatri popolari Ewropej, l-aktar dak Taljan. Għalhekk wieħed m’għandux għaliex jistagħġeb li l-makkjetta Maltija hi wirt tal-makkjetta li kienet tinħadem fit-teatru popolari Taljan.

Il-makkjetta hija l-wild tal-ewwel attivitajiet teatrali popolari li kienu jsiru fl-irħula u fl-ibliet madwar Malta u Għawdex

Madanakollu aspett interessanti fil-makkjetta Maltija hu l-iżvilupp gradwali li seħħ fiha. F’Malta l-makkjetta ma baqgħetx marbuta biss mat-teatru, għax l-għana popolari xorob l-essenza tagħha u spiċċa bħala fergħa oħra minnha, bil-modi u regoli tiegħu partikolari. L-umoriżmu, u xi kultant is-sarkażmu, xorta baqa’ jorbot il-makkjetta ta’ fuq il-palk mal-makkjetta tal-għana, iżda kien hemm bidla fil-forma u fir-rappreżentazzjoni. Dan jispjega l-għala l-makkjetta ta’ fuq il-palk tkun deklamata jew l-aktar titkanta, ġeneralment fuq melodija ta’ kanzunetta popolari tal-mument, waqt li l-makkjetta tal-għana titgħanna biss, għalkemm ġieli ddeffsu fiha xi kummenti żgħar mitkellma. Fit-teatru l-attur komiku jsir makkjettista u jkanta l-makkjetta tiegħu, u f’dan il-każ jista’ jingħata l-lok li l-makkjetta tersaq ħafna lejn l-oriġini tal-kanzunetta Maltija l-għaliex ħafna mill-ewwel diski Maltin irrekordjati kienu makkjetti/parlanti. Min-naħa l-oħra fl-għana l-għannej mhuwiex il-makkjettista iżda dan jilbes il-libsa tal-makkjettist u jgħanni l-makkjetta b’melodija partikolari assoċjata mal-għana.

Nies bħal Carlo Satariano, Charles Clews, Fredu Spiteri l-Lavarist, John Laus u Fredu Abela l-Bamboċċu lkoll fittxew li jħaddmu b’mod għaqli l-makkjetta li għal bosta snin, mill-aħħar tas-seklu dsatax u tista’ tgħid sal-lum il-ġurnata, din kellha sehem ewlieni fid-divertiment lokali tal-poplu Malti.

Għal aktar tagħrif, tista’ tara t-teżi ta’ Baċellerat bl-isem Il-Makkjetta: Riċetta Maltija għall-Buri u l-Geddum, ta’ Kurt Slattery.

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *