Il-kittieba nisa Maltin – minn fejn tlaqna u fejn wasalna

Introduzzjoni: “fejn huma n-nisa tagħna?” (Mifsud 45)

F’Malta, m’għandniex xi tradizzjoni twila ta’ kittieba nisa u nisa protagonisti fil-letteratura. Għal żmien twil, il-mara, mil-lenti tal-kittieb maskili u kultant anki mil-lenti ta’ xi nisa wkoll, tqiegħdet biss f’kuntest wieħed: il-mara-omm li trabbi sew lil uliedha, li toqgħod biss għal dak li jgħid żewġha u li tkun ta’ eżempju.

Bla dubju, l-iktar awturi li batew min-nuqqas ta’ rispett, forsi kultant anki tal-kollegi tagħhom f’pajjiżna, kienu l-awturi nisa. Iżda s-sitwazzjoni bil-mod il-mod qed tinbidel, kemm minħabba r-rispett dejjem ikbar li qed igawdu wħud mill-awtriċi stabbiliti kif ukoll minħabba l-ħila straordinarja tal-kittieba nisa l-ġodda li jinsabu fuq quddiem nett fit-tiġdid tal-letteratura Maltija fosthom anki għax xogħlijiethom qed jiġu tradotti għal ilsna barranin.

L-ewwel poetessa

Il-poetessa Għawdxija Mary Meylak kienet l-ewwel vuċi femminili fost il-poeti Romantiċi tal-ewwel nofs tas-seklu għoxrin. Meylak kienet l-eċċezzjoni mhux biss għax daħlet fid-dinja artistika imma anki għax il-kitba tagħha ma tagħti ebda ħjiel tal-ansjetà eżistenzjali u storika ta’ żmienha iżda ssib il-milja tal-espressjoni tagħha fl-għoti ta’ sura fantastika lid-dinja ta’ madwarha. Fost it-temi prinċipali li magħhom nassoċjaw lil Meylak hemm il-fantasija, in-natura u r-reliġjon, il-patrijottiżmu u l-pajsaġġ lokali. F’Meylak, l-inanimat isir animat permezz ta’ versi ħfief imżewġin mat-tħaddim tal-alliterazzjoni u l-onomtopea taħt il-ħakma kontinwa tar-rima biex trodd lill-qarrej versi melodjużi u sempliċi kif naraw f’ġabriet bħal Pleġġ il-Hena (1945).

Is-snin ta’ wara l-Indipendenza

Wara l-Indipendenza mbagħad tfaċċaw kittieba bħal Rena Balzan, Lillian Sciberras u Marlene Saliba u li wħud minnhom għadhom jiktbu sal-lum il-ġurnata. Il-liriċiżmu nostalġiku ta’ Lillian Sciberras f’kotba bħal Klessidra (2014) u l-għaqda bejn is-sentiment uman u l-oġġett ordinarju f’kotba bħal Ilwien Moħbija (1973) ta’ Balzan huma fost l-aktar marki poetiċi li jispikkaw. Fil-poetika ta’ Saliba tispikka ħafna r-rabta tal-bniedem ma’ entitajiet jew spazji li jmorru lil hinn minn dak li hu tad-dinja; ir-rabta mal-kożmos bil-mistiċità kollha tiegħu kif naraw fil-ġabra Nimirħu maż-Żmien (2014). F’Saliba, il-personali jitwaħħad mas-soċjali waqt li tittratta wkoll temi bħat-tkasbir tal-jeddijiet umani u tal-ambjent naturali kif naraw fil-ġabra Time-Faring (1994, 2011).

Saliba tittratta wkoll it-tema ġenerazzjonali u l-valur intrinsiku taż-żmien Neolitiku llum kif naraw fi Xbihat tal-Antenati/Ancestral Visions, ġabra bilingwi bil-Malti u bl-Ingliż mitbugħa fl-2011. Din il-ġabra tista’ titqies bħala evalwazzjoni tal-mixja temporali tal-bniedem li jfittex l-essenza tal-eżistenza tiegħu lil hinn minn dak li hu inessenzjali jew temporali. Balzan u Sciberras imbagħad b’xogħlijiet bħal Ilkoll ta’ Nisel Wieħed (1998) u Wara r-Repubblika (1979) iħejju t-triq għall-kittieba ta’ warajhom għax jibdew jipproblematizzaw il-qagħda speċifika tal-mara u jippreżentaw djaloġika semi-femminista.

Fost l-awturi tal-moviment hekk imsejjaħ tas-sittinijiet insibu wkoll lil Doreen Micallef bil-ġabriet poetiċi Fit-Triq tal-Empirew (1975), De Profundis (1979), Kyrie (1979) u Wiċċ Imb Wiċċ u Drammi Oħra (1972). F’Micallef jispikka l-ħolqien ta’ dinja oskura, mera tal-esperjenzi personali u ta’ ħajja solitarja. Micallef tinqeda bil-vers projettiv biex turi mara frammentata li qed tbati u li ma ssibx solljev għal tbatijietha. Hija l-mara li tterraq quddiem il-mistoqsijiet il-kbar tal-ħajja u li tinseġ versi dwar is-sentimentaliżmu, ir-ribelljoni, il-qilla, ir-rabja u d-determinazzjoni.

Is-snin disgħin u s-seklu wieħed u għoxrin

Maria Grech Ganado influwenzat lil ħafna kitieba nisa kontemporanji. Din hija kittieba ta’ interess partikolari għax għalkemm tagħmel parti mill-ġenerazzjoni tas-sittinijiet, ma kinitx membru tal-Moviment Qawmien Letterarju li beda fl-1967 u kien biss fl-1999 li ppubblikat l-ewwel ġabra poetika bl-isem ta’ Iżda Mhux Biss. Grech Ganado tista’ titqies bħala waħda mill-ilħna femministi Maltin ewlenin. B’poeżiji li f’ħafna mid-drabi jitilqu mill-esperjenzi personali tal-poetessa nfisha, fi Grech Ganado hemm it-tema universali tat-tiġrib. Hija l-mara li kapaċi tkun irrabjata, serena, senswali, kritika u amikevoli fl-istess ħin. B’element qawwi ta’ intertestwalità, b’allużjonijiet għal episodji bibliċi u mitoloġiċi, Grech Ganado tonfoħ nifs vivaċi fix-xogħlijiet tagħha li bih ma jibqgħux sempliċiment kitba fuq karta. Xogħlijiet oħrajn tagħha huma Skont Eva (2011), Ribcage (2003), Fil-Ħofra Bejn Spallejha (2005) u Taħt il-Kpiepel t’Għajnejja (2014):
Għax jiena mara, iva
u le, b’daqstant ma nafx sew
x’jiġifieri. Għalhekk għalija
issa wasal il-waqt li nsir naf. (Grech Ganado 31)

Ħafna mill-kittieba nisa kontemporanji jippreżentawlna din l-identità elastika tal-mara, fis-sens li jfittxu li jittraxxendu l-irwoli sterjotipati li ngħatat il-mara bl-“iżda mhux biss” li sserrep matul vrushom. Jesponu l-mara bħala identità flessibbli li taddatta ruħha għal kull ċirkostanza kif anki tisħaq Denise Riley li tgħid li l-mara għandha “a fluctuating identity”. Għandna nevitaw li noħorġu b’kundizzjonijiet li jiddettaw kif għandha tkun il-kitba ta’ mara għax kull awtriċi jeħtieġ li ssib il-vuċi u l-viżjoni tagħha. Awtriċi ma tistax ma tiktibx bħala mara; imma mhux bħala mara ġenerika: tikteb bħala l-mara idjonsinkratika li hi.

Evidentement, awtriċi li Grech Ganado ħalliet impatt fuqha hija Clare Azzopardi. Isimha huwa sinonimu kemm mal-qarrejja żgħar u kemm mal-qarrejja adulti. Mill-pinna tagħha nibtu wħud mill-aqwa novelli ta’ żmienna miġburin f’Il-Linja l-Ħadra (2006) u f’Kulħadd Ħalla Isem Warajh (2014). Kitbet ukoll żewġ xogħlijiet teatrali In-Nisa Maltin Jafu Kif (2013) u L-Interdett Taħt is-Sodda li ttella’ wkoll fi Franza u fl-Eġittu. F’kitbietha hemm enfasi partikolari fuq l-individwu u l-psike tiegħu, iżjed milli l-ambjent. Il-vuċi tal-karattri hija dik li timbotta l-istorja tant li l-kliem kważi tiġbru minn fomm dawk li jgħaddu minn ħdejha, u fil-kitbiet t’Azzopardi, xejn ma jseħħ għalxejn. Leħinha jfittex li mhux biss jirrakkonta dwar in-nisa imma jirrakkonta lin-nisa.

Fi ħdan l-istess ġenerazzjoni nsibu lil Nadia Mifsud, Maltija li tgħix fi Franza. Mifsud hija l-poetessa liberali, dik li tesprimi l-ħsus ta’ mara bl-iktar emozzjonijiet qawwija u ħielsa minn kull irbit. F’Mifsud hemm sensiela ta’ emozzjonijiet li jridu jiżbroffaw, imma b’delikatezza u b’passjoni. Hija l-kittieba emigranta, il-ħassieba li vjaġġat ’il barra minn pajjiżha imma li xorta waħda tibqa’ tqis l-insularità tiegħu bħala l-punt tat-tluq f’ħafna mill-kitbiet tagħha. Il-poeżija ta’ Mifsud miġbura f’Żugraga (2009) u f’Kantuniera ’l Bogħod (2015) hi kitba li mhux biss hi espressiva iżda wkoll assertiva.

Poetessi bħal Claudia Gauci, Simone Inguanez u Simone Galea bil-ġabriet Sekonda Qabel Tqum (2012), Ftit Mara Ftit Tifla (2005) u Xi Drabi Mqar Persuna (2011) jispikkaw fit-tradizzjoni letterarja Maltija minħabba l-mod iktar ippronunzjat li bih iħollu l-konvenzjonijiet lingwistiċi, in-normi soċjali, u l-ġerarkija ta’ valuri tal-poplu Malti. Din hi ġenerazzjoni ta’ poetessi li jlaqqgħu bla mistenni forom grammatikali li ma jmorrux flimkien, u anki jisfumaw f’xulxin kelliema u diskorsi inkompatibbli b’multipliċità ta’ perspettivi. Dawn il-ġesti postmoderni jingħarfu bħala azzjonijiet trasformattivi f’qafas letterarju stabbilit, il-qafas li fih il-poeta l-ġdid ikun sab kemm l-iskop għar-reazzjoni artistika tiegħu, kif ukoll il-lingwa magħmula minn preġudizzji passati li biha jista’ jesprimi d-devjazzjoni tiegħu.

Ta’ min isemmi wkoll lil Leanne Ellul, li bir-rumanz tagħha Gramma (2015) wkoll qed tmiss temi soċjali, ewlenija fosthom, ir-relazzjoni tal-bniedem mal-ikel. F’Ellul, it-temi universali bħar-relazzjonijiet, is-sensittività, is-solitudni, il-ferħ, l-eċċitament, l-istennija u d-delużjoni huma mogħtija laqta partikolari. Barra minn hekk, Ellul hija wkoll koordinatriċi ta’ bosta proġetti u inizjattivi artistiċi, poetessa u awtriċi ta’ testi għall-iskejjel.

Fost awturi nisa oħra li jenfasizzaw fuq l-aspett uman, il-kitba djaristika u l-ħajja bħala katina ta’ kawża u effett insibu lil Lina Brockdorff b’għadd ta’ kotba bħal Bellus u Bizzilla (2008) u Sireni u Serenati (2004), Therese Pace b’Meta Tkellimni Hi (2011) u Arpeġġi (2003) u Lou Drofenik, il-Maltija-Awstraljana li baqgħet ta’ ġewwa b’rumanzi bħal Birds of Passage (2005) u The Confectioner’s Daughter (2016). Min-naħa l-oħra, Rita Saliba hija l-kittieba-artista b’għadd ta’ kotba anki għall-adoloxxenti bħal Bella Berger (2013) u Il-Kulur tal-Lellux (2016). Saliba tikteb l-awtentiku u l-kuljum. Fil-kitba tagħha bħal Damask (2017) u Satin (2014) hemm l-istejjer antiki riħa ta’ gazzetti li jiltaqgħu mal-fantasiji skomdi.

Hemm linja fina bejn tfal u kbar – f’dawn l-istejjer it-tfal isiru ftit kbar u l-kbar isiru ftit tfal. Dawn huma l-karattri li jispuntaw minn imkien u jeħduna xi mkien. Dawn huma n-nisa li nafu u li f’dawn l-istejjer isiru iktar speċjali għax il-ħajja ta’ kuljum jiftgħulha doża ta’ stramb, kif għandu jkun kif naraw anki pereżempju f’L-Istorja li rrakkuntat Nina (2016) ta’ Audrey Friggieri. Fil-ġeneru tal-fantaxjenza ta’ min isemmi lil Loranne Vella b’Rokit (2017) u Antoinette Borg b’Fittixni (2016).

Konklużjoni: letteratura enerġetika

Iktar ma jgħaddi ż-żmien iktar qed tafferma ruħha l-importanza li l-letteratura għandha f’pajjiż; xi ħaġa li dejjem tqieset periferali. Hi l-letteratura li qabelxejn għandha tagħti direzzjoni u analiżi. Il-letteratura hija reazzjoni għall-kwotidjanjetà u llum nistgħu nitkellmu fuq il-letteratura Maltija – letteratura li hi ħajja u dinamika. Illum għandna ġenerazzjoni li tisfida, f’sens pożittiv, il-kontenut tal-kittieba tas-sittinijiet u dawk ta’ qabilhom u toħloq diskors ġdid u għalkollox differenti. Finalment qed tinbet ġenerazzjoni femminili li ma tibżax tartikola l-ħsus ġewwiena tagħha. Żgur li l-letteratura komtemporanja trid tirreġistra t-tensjonijiet taż-żmien li qed ngħixu fih.

Olivia Borg
______________________________

Referenzi
Grech Ganado, Maria. Iżda Mhux Biss. Malta: Printwell, 1999. Stampat.
Mifsud, Nadia. Żugraga. Malta: Nadia Mifsud, 2009. Stampat.
Riley. Denise. “Am I That Name? Feminism and the Category of ‘Women’ in History.” Feminisms. Ed. Sandra Kemp u Judith Squires. Oxford: Oxford University Press, 1997. Stampat.
______________________________

Olivia Borg hija l-awtriċi tat-teżi tal-M.A. “Minn Mary Meylak sa Simone Inguanez: Identitajiet u Perspettivi” (2010); studju kritiku dwar uħud mill-kittieba nisa Maltin.

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *