“Għid żarbun mhux ‘shosie’”

Ikolli nammetti li, anke jekk mhux il-ħin kollu, noqgħod attenta ħafna għal-lingwaġġ użat mit-tfal. Kull kelma li tingħad, hemm storja warajha. Iżda l-mistoqsija li dejjem tkun qed tberren f’moħħi hi, it-tfal huma verament konxji tal-kliem li qed jużaw? Meta nisma’ lil xi tifla tuża kelma flok oħra jew verb ikkonjugat ħażin, mill-ewwel nikkoreġiha u nistaqsiha tirrepeti l-kelma b’mod korrett. Ħafna drabi, it-tifla tirrepeti warajja l-kelma li nkun għedt jiena u d-diskursata tkompli għaddejja.
Bien inkun għedt kollox, ma nixtieqx inkun qisni pulizija mat-tfal lanqas. Mat-tfal iż-żgħar nipprova nifhem għaliex sar l-iżball u nħallihom ikomplu jesprimu ruħhom, waqt li jien noqgħod nimraħ f’xi spjegazzjoni lingwistika. Madankollu, wara li min jaf kemm jisimgħu lilna l-adulti nħawdu fit-taħdit tagħna, b’xi kelma nofsha bil-Malti u l-kumplament bl-Ingliż u xi naqra baby talk ukoll, jekk qed inkellmu lil xi tifel ċkejken, mal-ewwel żball ngħidulhom, “għid żarbun mhux shosie!” Ħafna taħlit fil-lingwi quddiem it-tfal ma naħsibx li tant jagħmlilhom ġid. Għat-tfal, mhijiex faċli li jagħmlu distinzjoni bejn kelma hekk imsejħa Maltija u oħra msejħa Ingliża. B’dan il-mod, inħoss li t-tfal qed jispiċċaw ma jafux jitkellmu, jitħaddtu, jifhmu u jiktbu sew lanqas b’lingwa waħda partikolari. Qed insib tfal li jibqgħu jħarsu lejja meta nuża xi espressjoni Maltija għaliex ma jifhmuhiex u jeħduha f’sens litterali. Din ġratli meta ftit ilu kont qed nitkellem ma’ tifla u għedtilha ‘qed tqabbadni l-bard’ u ħasbet li qed inħoss il-bard.
Huwa faċli li llum il-ġurnata ngħidu kull sentenza bil-Malti biss? Ma naħsibx. Tant ġejna influwenzati minn lingwi differenti li żgur m’għandniex lessiku purament Malti. U l-code-switching? La aħna l-adulti nużaw kliem bħal baby flok tarbija u birthday flok għeluq snini, ma nistgħux niskantaw li t-tfal jagħmlu bħalna u jħalltu fil-lingwi l-ħin kollu.

Bijonota: Dorianne Bartolo hija għalliema tal-Malti u l-Mużika fi Skola Sekondarja tal-bniet. Hija bbażat ir-riċerka tagħha fil-livell ta’ Baċellerat fil-Malti fuq il-lingwaġġ ta’ tifla ta’ sitt snin u minn hemm baqgħet tistħarreġ dwar dan il-qasam.

L-Għaqda tal-Malti – Università hija għaqda volontarja li taħdem għall-għarfien sħiħ tal-ilsien Malti fl-oqsma kollha tal-ħajja u tal-kultura Maltin. L-Għaqda twaqqfet fl-1931 minn żewġ studenti tal-Mediċina - Rużar Briffa u Ġużè Bonnici. Wieħed mill-għanijiet li twaqqfet għalih l-Għaqda kien li taħdem fost l-istudenti u dan l-għan għadu jiġi mwettaq għax l-Għaqda tfittex li tħarreġ ġenerazzjonijiet differenti f’kompetenzi u mezzi relevanti għall-oqsma letterarji u lingwistiċi Maltin. Dan tagħmlu permezz ta' pubblikazzjonijiet u proġetti bħal Leħen il-Malti u Taħżiż. Fuq kollox, l-Għaqda ma taħdimx biss għall-Malti imma bil-Malti u għalhekk tikkollabora ma' entitajiet oħrajn minn oqsma differenti.Facebook: www.facebook.com/ghaqdamalti Sit: www.ghaqdatalmalti.org Indirizz elettroniku: [email protected]

One thought on ““Għid żarbun mhux ‘shosie’”

  • Reply Christine Galea 24th January 2017 at 9:39 am

    Bil-Malti tintuza i-kelma ‘bambu’ biex tfisser zarbun sa fejn naf jiena. In-nanna kienet tuzaha bhala mod ta’ ‘baby talk’……….

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *