Ġesù wkoll kellu jitgħallem

F’wieħed mid-diskorsi tiegħu, Ġesù għadu jtennilna, “Tgħallmu minni, għaliex jiena ta’ qalb ħelwa u umli”. Imma din qalhielna mhux biss għax il-qalb tiegħu hi mimlija b’kull virtù għax kienet il-qalb ta’ Alla, iżda wkoll għax qalbu kienet qalb ta’ bniedem li hi wkoll kellha titgħallem. Hu jaf xi tfisser titgħallem mhux biss bħala l-Għalliem imma wkoll bħala student fl-iskola tal-ħajja, fl-iskola tad-dinja, fl-iskola tal-umanità mtebbgħa bid-dnub. Ġesù wkoll kellu jitgħallem.

Kellu jitgħallem jgħix fid-dinja li ħalaq hu stess. Imma issa kellu jitgħallem jgħix taħt l-istess natura u r-regoli tagħha li poġġielha. U ħadha bil-mod, bla għaġla żejda, bit-tul li jeħodha kull bniedem. Forsi tgħallem ftit iktar malajr billi kient safi u seta’ jħares u jifhem iktar malajr b’inqas żbalji (żgur mingħajr l-iżbalji tad-dnub). U meta tgħallem, kien sar iż-żmien li jerġa’ lura għax ma ġiex biex jibqa’ hawn għal dejjem. Ġie jgħallimna kif għandna ngħixu fid-dinja u jerġa’ jiftħilna t-triq għal għand il-Missier li tlifna bid-dnub.

Hu jaf xi tfisser titgħallem mhux biss bħala l-Għalliem imma wkoll bħala student fl-iskola tal-ħajja, fl-iskola tad-dinja, fl-iskola tal-umanità mtebbgħa bid-dnub

Uriena mill-ġdid xi tfisser tkun bniedem, u għamilhielna possibbli li ngħixu ta’ bnedmin għax niżel fid-dlam ta’ dnubna biex joħroġna minnu. Id-dnub ma tgħallimx jagħmlu għax imur kontra n-natura tiegħu u mhuwiex parti oriġinali mill-bniedem (għamilha l-bniedem parti minnu bid-dnub oriġinali). Imma tgħallem minn dak li bata xi jfisser; jaf it-toqol u d-dlam kollu tiegħu—anzi dan jafu iktar minn kull bniedem ieħor għax ġarr dnub l-umanità kollha.

Kellu jitgħallem jgħix fis-solitudni. Mill-komunjuni perfetta tat-Trinità kellu jitgħallem jgħix fis-solitudni tal-individwu uman. Mhux għax kien b’xi mod aljenat minn Alla, għax fih ma kienx hemm dnub, imma kien hemm il-limiti umani, il-limiti kosmiċi, il-limiti materjali li affetwaw kif jgħix dil-komunjoni sakemm, fuq is-salib u fl-inżul fil-mewt, kważi spiċċat għal kollox imma fl-istess ħin baqgħet bla mittiefsa.

Fih ma kienx hemm dnub, imma kien hemm il-limiti umani, il-limiti kosmiċi, il-limiti materjali

Kellu jitgħallem iħobb bħala bniedem. Kellu jitgħallem xi tfisser tħobb lill-bnedmin mhux biss bħala kreaturi imma wkoll bħala ħutu. U kellu jitgħallem iħobb lil Alla bħala bniedem u mhux fir-rabtiet ta’ mħabba fit-Trinità—qisu bħal donnu bħala Alla kellu jitgħallem tħobb lil Alla kif iħobbu l-bniedem, ċioè minn barra ta’ Alla. U għalhekk kellu jitgħallem juri l-imħabba tiegħu lejn Alla bħala sottomissjoni u ubbidjenza.

Kellu jitgħallem jistenna u jistabar bħala bniedem. Bħala Alla kellu jitgħallem xi jfisser l-ħin; bħala bniedem kellu jitgħallem xi tfisser l-eternità, jew aħjar jitgħallem li ma tistax tifhimha u xi tfisser tkun bil-labar għax tixtieq tagħmel li għandek tagħmel mill-ewwel. Imma bħala bniedem kellu jitgħallem is-sabar ta’ Alla li jistenna sakemm tkun waslet is-siegħa, u jgħix ħajtu miexi lejn dik is-siegħa mingħajr ma jgħaġġilha jew jantiċipaha, u mingħajr ma jħalli lil min jgħaġġlu jew jisfurzah.

Kellu jitgħallem juri l-imħabba tiegħu lejn Alla bħala sottomissjoni u ubbidjenza

Kellu jitgħallem jobdi, mhux għax bl-inkarnazzjoni bidel il-pożizzjoni tiegħu ta’ mħabba fl-ubbidjenza quddiem il-Missier li kellu sa mill-eternità, imma għax kellu jitgħallem jobdi bħala bniedem bis-sens ta’ awtonomija u indipendenza li jikkaratterizzah. Kellu jitgħallem jobbdi sal-mewt, li jmur kontra l-istint tal-awtopreservazzjoni. Kellu jitgħallem minn dak li bata xi tfisser l-ubbidjenza meta b’mod naturali l-ġisem stess jirribella u jipprova jaħrab imqar l-iċken uġiegħ. Kellu jitgħallem jobdi bħala parti minn umanità li rribellat kontra Alla u, minkejja li hu ma rribellax, kellu jġorr il-piż ta’ din ir-ribeljoni. U kienet din l-ubbidjenza umana tiegħu li kissret iċ-ċirku vizzjuż ta’ disubbidjenza li kien qiegħed iżomm il-bniedem fil-ħama.

Hu li hu kollu dawl, kellu jitgħallem xi jfisser id-dlam—u dan tgħallmu iktar minna għax aħna iktar qrib tad-dlam minnu u d-dlam għalih hu l-oppost assolut tiegħu għax hu l-assenza tad-dawl. Kellu jitgħallem iħares lejn il-baħħ, ix-xejn, u fih jindirizza lil Alla u jipprova jagħmel ħiltu biex anke hemm jibqa’ jagħrfu. Kellu jitgħallem ikun bniedem mhux wisq kif inħoloq fil-bidu daqskemm kif sab ruħu bid-dnub. Kellu jġarrab x’għamilna aħna mill-umanità tagħna biex aħna nistgħu nġarrbu l-umanità kif ġiet maħluqa fil-bidu u mwassla għall-milja tagħha fih.

One thought on “Ġesù wkoll kellu jitgħallem

  • Reply Antida 29th May 2018 at 9:40 pm

    Proset Fr. Gilbert. Xi gmiel ta Artiklu, nitghallem minnhu, nipruvaw bl’ghajnuna ta Gesu nghamlu hu nejxu Bhalu.

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *