Gallettina waħda

Let no one ever come to you without leaving better and happier. Be the living expression of God’s kindness: kindness in your face, kindness in your eyes, kindness in your smile.” – Madre Tereża

Niftakar li meta kont bdejt naqra l-ħajja ta’ din il-qaddisa, dawn il-kliem kienu baqgħu mmarkati f’moħħi, tant li dak il-ħin qbadt lapes u ħażżist fuq il-ktieb li kelli… ħaġa li mhux soltu nagħmel. Kont qrajt din is-sentenza fi żmien meta kont qed naħseb jekk inkunx parti mis-Soċjetà tal-Museum madwar tmien snin ilu. Nemmen li ħdimt ħafna biex verament ngħixha matul ħajti f’din is-sejħa fil-Museum.

Forsi bosta jistaqsu, “Imma kif inhi l-ħajja ta’ soċju (membru) fil-Museum?” Prattikament hija ħajja normali bħal kull persuna oħra. Filgħodu, kull membru għandu x-xogħol personali tiegħu. Dun Ġorġ Preca xtaq li l-membru tal-Museum ikun qiegħed jaħdem fuq l-istess bank tax-xogħol bħal kull persuna oħra… minn mastrudaxxa għal bennej, għalliem u skrivan għal tabib jew mekkanik. Jaħdem li jsir qaddis anke permezz tax-xogħol sempliċi li wieħed jagħmel ta’ kuljum. Hi parti mir-regola tagħna, li membru ma jibżax għal butu, fis-sens li l-flus tiegħu jużahom għall-ġid tan-nies ta’ madwaru, b’mod speċjali fit-tagħlim.

Wara nofsinhar, il-membri niltaqgħu flimkien fl-oqsma tagħna (il-bini tal-Museum) f’ħafna irħula, biex niftħu l-bibien tagħna għat-tfal u ż-żgħażagħ ta’ kuljum. Niltaqgħu ma’ etajiet differenti, fejn magħhom isiru laqgħat marbuta mal-għixien tal-fidi. Ta’ spiss norganizzaw diversi attivitajiet għall-gruppi kollha, għax nemmnu fl-iżvilupp tal-bniedem sħiħ. Hekk kif din il-ħidma maż-żgħażagħ tintemm, il-membri niltaqgħu għal siegħa tagħlim flimkien ta’ kuljum, għax ma nistgħux nagħtu lil oħrajn minn dak li aħna stess ma jkollnix.

Din il-ħajja tiġi mgħixha wkoll f’diversi pajjiżi differenti madwar id-dinja, għaliex fin-natura tagħha, hija ħajja missjunarja. Ikunu bosta dawk id-drabi fejn numru ta’ membri jintbagħtu għal esperjenzi missjunarja f’wieħed minn dawn il-pajjiżi*. Għax qiegħdha f’qalbna x-xewqa sabiħa, li l-Aħbar it-Tajba ta’ Ġesù, tkun imwassla madwar id-dinja kollha.

Iżda naqsam esperjenza żgħira personali li mmarkatni… Meta kont qiegħed fuq esperjenza missjunarja fil-Kenja, niftakar tfajjel żgħir li kien ġie għal waħda mil-laqgħat li konna organizzajna. Fl-aħħar tal-laqgħa tajna lit-tfal ftit gallettini u flixkun juice. Kont qisek tajthom l-aqwa ħaġa! Iżda waqt il-logħob, innutajt dan it-tfajjel jiekol biss gallettina waħda milli tajnieh. Mort fuqu u b’nuqqas ta’ ħsieb staqsejtu, “Mela ma għoġbukx? Tixtieq xi ħaġa oħra?” Iżda pront weġibni, “Għax dawn se naqsamhom ma‘ ħuti tad-dar.”

It’s not how much we give but how much love we put into giving.” Jalla li lkoll ngħixu hekk flimkien. B’hekk insiru qaddisin. Il-paċi miegħek.

* Apparti fil-gżejjer ta’ Malta u Għawdex, il-Museum jinstab ukoll fl-Awstralja, Polonja, Albanija, Ingilterra, Kuba, Peru u Kenja.

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *