Diversità

Jekk timraħ f’dak li hu preżenti fi żmienna, tintebaħ kemm hawn aljenazzjonijiet. Il-kunċett ta’ aljenazzjoni kif muri fil-qasam soċjoloġiku permezz ta’ teoriji klassiċi kif ukoll kontemporanji, jirreferi għal tip ta’ kundizzjoni fir-relazzjonijiet soċjali waqt li tirrifletti grad baxx fl-integrazzjoni u grad għoli t’iżolazzjoni bejn l-individwi. Skont it-teorija Marxista l-aljenazzjoni titfaċċa minħabba li l-individwi jgħixu f’soċjetà msejsa minn klassijiet soċjali diversi. Meta tqabbel ir-relazzjoni bejn l-individwi ta’ żmien Marx u persuni fi-dinja tal-lum tintebaħ kemm hemm xebh. Il-qasam soċjali attwali mhux infilsat biss bejn dawk li għandhom il-kapital f’idejhom u l-proletarjat, iżda narawha wkoll f’dik li jien se nsejjaħ il-“Havanizzazzjoni” ta’ żmienna. Xi rrid nimplika b’dan? Iż-żgħażagħ qed ifittxu mezzi biex jissodisfaw irwieħhom wara ġimgħa studju fl-iskejjel u oqsma edukattivi oħra. Il-ħabitus tagħhom mhux qed ikun iffukat fuq l-istil li trabbew fih il-ġenerazzjonijiet ta’ qabilhom imma magħmul fuq tip t’azzjoni hekk imsejħa “damdim”. Jekk nagħtu ħarsa ta’ xi kliem fil-vokabolarju Malti naraw kif jinħolqu għadd ta’ termini bħal daħna, patata biex tiġi deskritta l-qagħda ta’ żagħżugħ f’damdima tajba. Il-klabbs saru l-ħabitus tal-ġenerazzjoni attwali waqt li jintlaqgħu bħala postijiet ta’ divertiment u interazzjoni soċjali. Jekk tieħu foku fis-soċjoloġija preżenti tagħraf kif il-klabbs imlew il-ħajja tal-bniedem, ir-rigal ewlieni wara xogħol sfiq matul il-ġimgħa. U b’hekk il-mixja kontemporanja tara lill-bniedem iterraq mill-belt ikkaratterizzata minn “qerq u ħsejjes” għal ħabitus paċevalesk. Minkejja kollox dan jiġbor miegħu l-idea pluralista li qed titwaħħad sewwasew mal-kunċett ta’ soċjetà u b’hekk fid-diskoteki jimmanifesta ruħu l-ispettru ta’ diversifikazzjoni b’fehmi, kuluri u qagħdiet tal-bniedem. L-individwalist f’żona ta’ pluraliżmu qawwi aljenat bil-kuluri vivaċi, rappreżentazzjoni jew mikrokożmu tad-dinja mlewna b’diversitajiet u polaritajiet.

 

Photo Credit: Angela Cassar

Wayne Farrugia twieled fl-1996 u attenda l-ewwel snin tal-edukazzjoni tiegħu fl-iskola primarja ta’ San Franġisk Birkirkara. Wara, mar il-Kulleġġ ta’ San Albert il-Kbir, il-Belt għal ħames snin sa ma ġab il-livell Ordinarju. Attenda wkoll, għall-edukazzjoni terzjarja fil-Kulleġġ Ġan Franġisk Abela, l-Imsida fejn kiseb il-livell Avvanzat biex imbagħad seta’ jidħol l-Università ta’ Malta fil-kors tal-Baċċellerat tal-Arti fil-Malti u l-Istudji Soċjali. Hu jixtieq ikompli fl-istudji tiegħu biex isir għalliem f’dawn is-suġġetti. Farrugia jikteb ukoll il-poeżiji bil-Malti u hu parti mill-Kumitat preżenti tal-Għaqda Poeti Maltin bħala Segretarju Internazzjonali. Jikteb ukoll lirika għall-kanzunetta Maltija fejn kiteb xi innijiet, qaleb xi diski famużi mill-Ingliż għall-Malti kif ukoll diski oħra fosthom tal-Milied. Jagħmel programm fuq Radju BKR, l-istazzjon komunitarju ta’ Birkirkara, Poeżija Mużikali li jittratta dwar informazzjoni fuq il-poeżiji Maltin imħallta ma’ daqq ta’ kanzunetti lokali. Jippreżenta wkoll xi kunċerti bħala compere f’każini tal-baned jew f’xi kunċerti li jsiru fuq inizjattiva ta’ surmastrijiet diversi. Qiegħed fil-fażi tal-pubblikazzjoni biex joħroġ l-ewwel rumanz tiegħu bil-Malti u jixtieq li jkompli jtejjeb il-pinna tiegħu permezz ta’ kitbiet poetiċi u prożajċi oħrajn.

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *